L-Ewwel Kronaki
15 Hu kompla jibni d-djar għalih stess fil-Belt taʼ David, u pprepara post għall-Arka tal-Alla l-veru u rama tinda għaliha. 2 Dakinhar David qal: “Ħadd m’għandu jġorr l-Arka tal-Alla l-veru ħlief il-Leviti, għax Ġeħova lilhom għażel biex iġorru l-Arka taʼ Ġeħova u biex jaqduh għal dejjem.” 3 Imbagħad David laqqaʼ lil Iżrael kollu f’Ġerusalemm biex itellgħu l-Arka taʼ Ġeħova fil-post li kien ipprepara għaliha.
4 David ġabar lil dawk li jiġu minn Aron u lil-Leviti: 5 mill-Keħatin, il-kap Urijel u 120 mill-familja tiegħu, 6 mill-Merarin, il-kap Għasaja u 220 mill-familja tiegħu 7 mill-Gersomin, il-kap Ġoel u 130 mill-familja tiegħu, 8 minn dawk li jiġu minn Elisafan, il-kap Semajja u 200 mill-familja tiegħu, 9 minn dawk li jiġu minn Ħebron, il-kap Eligħel u 80 mill-familja tiegħu, 10 u minn dawk li jiġu minn Użżijel, il-kap Għamminadab u 112 mill-familja tiegħu. 11 Barra minn hekk, David għajjat lill-qassisin Sadok u Abjatar u lil-Leviti Urijel, Għasaja, Ġoel, Semajja, Eligħel, u Għamminadab. 12 Hu qalilhom: “Intom il-kapijiet tal-familji tal-Leviti. Tqaddsu intom u ħutkom, u tellgħu l-Arka taʼ Ġeħova l-Alla t’Iżrael lejn il-post li jien ippreparajt għaliha. 13 Peress li l-ewwel darba ma ġarrejtuhiex intom, Ġeħova l-Alla tagħna rrabja ħafna magħna, għax ma ċċekkjajniex kif suppost għamilna dan.” 14 Għalhekk, il-qassisin u l-Leviti tqaddsu biex itellgħu l-Arka taʼ Ġeħova, l-Alla t’Iżrael.
15 Imbagħad il-Leviti ġarrew l-Arka tal-Alla l-veru bil-lasti fuq spallejhom, bħalma Ġeħova kien ikkmanda permezz taʼ Mosè. 16 Imbagħad David qal lill-kapijiet tal-Leviti biex iqabbdu lil ħuthom il-kantanti jkantaw bil-ferħ waqt li jindaqqu l-istrumenti tal-korda, l-arpi, u ċ-ċimbali.
17 Għalhekk, mit-tribù tagħhom, il-Leviti qabbdu lil Ħeman bin Ġoel, Asaf bin Berekija, u Etan bin Kusaja mill-familja taʼ Merari. 18 Magħhom kien hemm grupp li jiġi minnhom. Dawn kienu Żakkarija, Ben, Ġagħżijel, Semiramot, Ġeħijel, Unni, Eljab, Benaja, Magħseja, Mattitija, Elifeleħu, Mikneja, u l-għassiesa tal-bibien Għobed-edom u Ġegħijel. 19 Il-kantanti Ħeman, Asaf, u Etan kienu mqabbdin idoqqu ċ-ċimbali tar-ram. 20 Żakkarija, Għażijel, Semiramot, Ġeħijel, Unni, Eljab, Magħseja, u Benaja daqqew strumenti tal-korda fuq noti għoljin,* 21 u Mattitija, Elifeleħu, Mikneja, Għobed-edom, Ġegħijel, u Għażażija daqqew arpi fuq noti baxxi* bħala diretturi. 22 Kenanija l-kap tal-Leviti ta l-istruzzjonijiet biex tinġarr l-Arka, għax kien espert. 23 Berekija u Elkana kienu l-għassiesa tal-Arka. 24 Il-qassisin Sebanija, Ġosafat, Netanel, Għamasaj, Żakkarija, Benaja, u Eligħeżer daqqew it-trumbetti b’entużjażmu quddiem l-Arka tal-Alla l-veru. Għobed-edom u Ġeħija wkoll qdew bħala għassiesa tal-Arka.
25 U David u l-anzjani* t’Iżrael u l-kapijiet tal-eluf kienu dawk li mxew mal-arka tal-patt taʼ Ġeħova biex itellgħuha mid-dar t’Għobed-edom bil-ferħ. 26 Peress li l-Alla l-veru għen lil-Leviti li kienu qed iġorru l-arka tal-patt taʼ Ġeħova, huma offrew bħala sagrifiċċju sebaʼ barrin żgħar* u sebaʼ mtaten. 27 David kien liebes libsa bla kmiem taʼ drapp fin. Il-Leviti kollha li kienu qed iġorru l-Arka, il-kantanti, u Kenanija l-kap li ta l-istruzzjonijiet biex tinġarr l-Arka u l-kap tal-kantanti wkoll kienu lebsin b’dan il-mod. David kien liebes ukoll efod* tal-għażel. 28 L-Iżraelin kollha kienu qed itellgħu l-arka tal-patt taʼ Ġeħova waqt li jgħajtu bil-ferħ u jdoqqu l-qarn, it-trumbetti, u ċ-ċimbali, u jdoqqu b’entużjażmu l-istrumenti tal-korda u l-arpi.
29 Imma meta l-Arka taʼ Ġeħova waslet fil-Belt taʼ David, Mikal bint Sawl ħarset ’l isfel mit-tieqa u rat lir-Re David jaqbeż u jiċċelebra; u bdiet tmaqdru f’qalbha.