It-Tieni Ktieb taʼ Samwel
23 Dan hu l-aħħar kliem taʼ David:
“Il-kelma tiegħi, David bin Ġesse,
Ir-raġel li ġie gglorifikat,
Il-magħżul* tal-Alla taʼ Ġakobb,
Il-kantant maħbub tal-għanjiet t’Iżrael.
2 L-ispirtu taʼ Ġeħova tkellem permezz tiegħi;
Kelmtu kienet fuq ilsieni.
3 L-Alla t’Iżrael tkellem;
Il-Blata t’Iżrael qalli:
‘Meta min imexxi fuq il-bnedmin ikun ġust,
Imexxi b’rispett kbir* għal Alla,
4 It-tmexxija tiegħu tkun bħad-dawl taʼ filgħodu meta tiddi x-xemx,
Għodwa mingħajr sħab.
Hi bħad-dija wara x-xita,
Li tnibbet il-ħaxix mill-art.’
5 Mhux hekk hi dari quddiem Alla?
Għax hu għamel patt miegħi għal dejjem,
Ippreparat b’kull dettall u garantit.
Għax dan ifisser is-salvazzjoni u l-għaxqa tiegħi.
Huwa għalhekk li hu jġiegħlu jikber.
6 Imma rġiel li mhuma tajbin għal xejn jintremew ilkoll bħal għollieq,
Għax ma jistax jinqabad bl-idejn.
7 Meta raġel imissu,
Għandu jkun armat bis-sħiħ bil-ħadid u b’lanza,
U għandu jiġi maħruq għalkollox fejn ikun.”
8 Dawn huma l-ismijiet tal-gwerriera b’saħħithom taʼ David: Ġoseb-bassebet it-Taħkemoni, il-kap tat-tlieta. Darba minnhom, hu qatel 800 bil-lanza tiegħu f’darba. 9 Warajh kien hemm Elegħażar bin Dodo u n-neputi t’Aħoħi. Hu kien fost it-tliet gwerriera b’saħħithom li kienu maʼ David meta sfidaw lill-Filistin. Huma nġabru hemm għall-battalja, u meta s-suldati t’Iżrael irtiraw, 10 hu baqaʼ hemm u kompla joqtol lill-Filistin sakemm idu għejiet, imma x-xabla ma telaqhiex. B’hekk, Ġeħova ġab rebħa* kbira dakinhar. Is-suldati marru lura warajh biex ineżżgħu l-maqtulin.
11 U warajh kien hemm Sammah bin Agi l-Ħagħrari. Darba, il-Filistin inġabru flimkien f’Leħi, fejn kien hemm għalqa mimlija għads; u s-suldati ħarbu minħabba l-Filistin. 12 Imma hu qagħad f’nofs l-għalqa u ddefendieha u baqaʼ joqtol lill-Filistin. B’hekk Ġeħova ġab rebħa* kbira.
13 Darba minnhom, tlett irġiel mit-30 kap niżlu ħdejn David fl-għar t’Għadullam matul il-ħsad, u kien hemm grupp* Filistin ikkampjati f’Wied* ir-Refajin. 14 Dak iż-żmien, David kien fil-post taʼ protezzjoni, u kien hemm għassa tal-Filistin f’Betlem. 15 Imbagħad David qal: “Kemm nixtieq nixrob l-ilma mill-ġiebja li hemm ħdejn il-bieb taʼ Betlem!” 16 Għal dan, it-tliet gwerriera b’saħħithom daħlu fejn kien hemm il-kampijiet tal-Filistin, iġġieldu magħhom, tellgħu l-ilma mill-ġiebja taʼ ħdejn il-bieb taʼ Betlem, u ħaduh lil David. Imma hu ma riedx jixorbu u ferrgħu quddiem Ġeħova. 17 Hu qal: “Lanqas biss jgħaddili minn moħħi li nagħmel dan Ġeħova! Għandi jien nixrob id-demm tal-irġiel li marru jissograw ħajjithom?” Għalhekk ma riedx jixorbu. Dawn huma l-affarijiet li għamlu t-tliet gwerriera b’saħħithom.
18 Abisaj ħu Ġowab u bin Seruja kien il-kap taʼ tlieta oħra. Darba, hu qatel 300 bil-lanza tiegħu, u kellu reputazzjoni bħat-tliet gwerriera b’saħħithom. 19 Għalkemm kien l-aħjar mit-tlieta l-oħra u kien il-kap tagħhom, hu ma laħaqx il-grad tal-ewwel tlieta.
20 Benaja bin Ġeħojada kien raġel kuraġġuż* li għamel ħafna affarijiet kbar f’Kabsil. Hu qatel iż-żewġt itfal t’Arjel taʼ Mowab, u niżel f’ħofra f’ġurnata bil-borra u qatel iljun. 21 Hu qatel ukoll raġel Eġizzjan li kien taʼ kobor straordinarju. Għalkemm l-Eġizzjan kellu lanza f’idu, hu mar għalih b’bastun, ħataflu l-lanza, u qatlu biha stess. 22 Dawn kienu l-affarijiet li għamel Benaja bin Ġeħojada. Hu kellu reputazzjoni bħat-tliet gwerriera b’saħħithom. 23 Għalkemm kien saħansitra aħjar mit-30, ma laħaqx il-grad tat-tliet gwerriera b’saħħithom. Madankollu, David inkarigah fuq il-gwardja persunali tiegħu.
24 Fost it-30* suldat kuraġġuż kien hemm: Għasael ħu Ġowab, Elħanan bin Dodo minn Betlem, 25 Sammah il-Ħarodi, Elika l-Ħarodi, 26 Ħeleż il-Palti, Ira bin Ikkes it-Tekogħi, 27 Abi-għeżer l-Għanatoti, Mebunnaj il-Ħusati, 28 Żalmon l-Aħoħi, Maħaraj in-Netofati, 29 Ħeleb bin Bagħnah in-Netofati, Ittaj bin Ribaj minn Gibegħa tal-Benjamini, 30 Benaja l-Piratoni, Ħiddaj mill-widien taʼ Gagħas, 31 Abi-għalbon l-Għarbati, Għażmawet il-Bar-ħumi, 32 Eljaħba s-Sagħlboni, it-tfal taʼ Ġasen, Ġonatan, 33 Sammah il-Ħagħrari, Aħijam bin Sarar il-Ħagħrari, 34 Elifelet bin Aħasbaj bin il-Magħkati, Eligħam bin Aħitofel il-Giloni, 35 Ħesro l-Karmeli, Pagħraj l-Arbi, 36 Igal bin Natan minn Soba, Bani l-Gadi, 37 Selek l-Għammoni, Naħaraj il-Biroti, dak li kien iġorr l-armi taʼ Ġowab bin Seruja, 38 Ira l-Itri, Gareb l-Itri, 39 u Urija l-Ħitti—b’kollox 37.