Numri
34 U Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 2 “Agħti dawn l-istruzzjonijiet lill-Iżraelin: ‘Meta tidħlu fl-art taʼ Kangħan, din se tkun l-art li tingħata lilkom bħala wirt bil-fruntieri tagħha.
3 “‘Il-fruntiera tagħkom tan-Nofsinhar se tkun mid-deżert taż-Żin maġenb Edom, u l-fruntiera tagħkom tan-Nofsinhar fuq in-naħa tal-Lvant se tkun minn tarf il-Baħar il-Mielaħ.* 4 Il-fruntiera tagħkom tbiddel id-direzzjoni biex tgħaddi min-naħa tan-Nofsinhar tat-telgħa t’Għakrabbim u tkompli lejn iż-Żin, u tispiċċa fin-Nofsinhar taʼ Kades-barnegħa. Imbagħad tibqaʼ sejra sa Ħasar-addar u tkompli lejn Għasmon. 5 Il-fruntiera tbiddel id-direzzjoni f’Għasmon lejn il-Wied tal-Eġittu, u tispiċċa ħdejn il-Baħar.*
6 “‘Il-fruntiera tal-Punent tagħkom tkun il-Baħar il-Kbir* u l-kosta. Din tkun il-fruntiera tagħkom tal-Punent.
7 “‘Issa din tkun il-fruntiera tagħkom tat-Tramuntana: Mill-Baħar il-Kbir timmarkaw il-fruntiera tagħkom sal-Muntanja Ħor. 8 Mill-Muntanja Ħor timmarkaw il-fruntiera sa Lebo-ħamat,* u l-fruntiera tispiċċa f’Sedad. 9 Il-fruntiera tibqaʼ sejra sa Żifron, u tispiċċa f’Ħasar-għenan. Din tkun il-fruntiera tagħkom tat-Tramuntana.
10 “‘Bħala l-fruntiera tagħkom għan-naħa tal-Lvant, għandkom timmarkaw minn Ħasar-għenan sa Sefam. 11 Il-fruntiera tkun minn Sefam sa Ribla fil-Lvant t’Għajn, u tinżel u taqsam l-għoljiet lejn il-Lvant tal-Baħar taʼ Kinneret.* 12 Il-fruntiera tkun sal-Ġordan, u tispiċċa mal-Baħar il-Mielaħ. Din tkun artkom bil-fruntieri taʼ madwarha.’”
13 Għalhekk, Mosè ta dawn l-istruzzjonijiet lill-Iżraelin: “Din hi l-art li se tqassmu bix-xorti biex tkun tagħkom, bħalma Ġeħova kkmanda li għandha tingħata lid-disaʼ tribujiet u nofs. 14 Għax it-tribù taʼ Ruben, it-tribù taʼ Gad, u nofs it-tribù taʼ Manasse diġà ħadu l-wirt tagħhom. 15 Iż-żewġ tribujiet u nofs diġà ħadu l-wirt tagħhom fir-reġjun fuq in-naħa l-oħra tal-Ġordan ħdejn Ġeriko, lejn tlugħ ix-xemx.”
16 Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu: 17 “Dawn huma l-ismijiet tal-irġiel li se jqassmu l-art biex tkun tagħkom: Elegħażar il-qassis u Ġożwè bin Nun. 18 U tieħdu kap minn kull tribù biex iqassam l-art bħala l-wirt tagħkom. 19 Dawn huma l-ismijiet tal-kapijiet: mit-tribù taʼ Ġuda, Kaleb bin Ġefunne; 20 mit-tribù taʼ Simegħon, Semwel bin Għammiħud; 21 mit-tribù taʼ Benjamin, Elidad bin Kislon; 22 mit-tribù taʼ Dan, Bukki bin Ġogli; 23 mit-tfal taʼ Ġużeppi mit-tribù taʼ Manasse, Ħannijel bin Efod; 24 mit-tribù t’Efrajm, Kemwel bin Siftan; 25 mit-tribù taʼ Żebulun, Elisafan bin Parnak; 26 mit-tribù taʼ Issakar, Paltijel bin Għażżan; 27 mit-tribù t’Aser, Aħiħud bin Selomi; 28 u mit-tribù taʼ Naftali, Pedaħel bin Għammiħud.” 29 Dawn huma dawk li Ġeħova kkmandahom biex iqassmu l-art taʼ Kangħan lill-Iżraelin.