L-Ewwel Kronaki
14 Ir-Re Ħiram taʼ Tir bagħat messaġġiera għand David, kif ukoll injam taċ-ċedru, bennejja, u mastrudaxxi biex jibnulu palazz. 2 David kien jaf li Ġeħova kien saħħu bħala re fuq Iżrael u li kien saħħaħ it-tmexxija tiegħu minħabba l-poplu Tiegħu Iżrael.
3 David ħa iktar nisa f’Ġerusalemm, u kellu iktar subien u bniet. 4 Dawn huma l-ismijiet tas-subien li kellu f’Ġerusalemm: Sammugħa, Sobab, Natan, Salamun, 5 Ibħar, Elisugħa, Elfelet, 6 Noga, Nefeg, Ġafigħa, 7 Elisama, Begħljada, u Elifelet.
8 Meta l-Filistin semgħu li David ġie inkarigat* bħala re fuq Iżrael kollu, telgħu kollha jfittxuh. Meta David semaʼ b’dan, ħareġ kontrihom. 9 Imbagħad il-Filistin marru u bdew jattakkaw lin-nies fil-Wied* taʼ Refajm. 10 David staqsa lil Alla: “Nitlaʼ kontra l-Filistin? Tagħtihomli f’idejja?” U Ġeħova wieġbu: “Itlaʼ għax jien żgur li nagħtihomlok f’idejk.” 11 Għalhekk, David telaʼ Bagħal-perasim u qatilhom hemmhekk. Hu qal: “L-Alla l-veru ħarbat l-għedewwa permezz tiegħi, bħal ilma li joħroġ bis-saħħa u jħarbat dak li jkun hemm quddiemu.” Huwa għalhekk li dan il-post semmewh Bagħal-perasim.* 12 Il-Filistin ħallew l-allat tagħhom hemmhekk, u bil-kmand taʼ David dawn l-allat ġew maħruqin.
13 Iktar tard il-Filistin reġgħu għamlu attakk fil-wied.* 14 David reġaʼ staqsa lil Alla x’għandu jagħmel, u wieġbu: “Titlax direttament. Minflok, dur minn warajhom u attakkahom quddiem is-siġar tal-baka. 15 U xħin tismaʼ l-ħoss bħal taʼ nies jimxu fuq il-quċċata tas-siġar tal-baka, attakka, għaliex l-Alla l-veru jkun ħareġ qablek biex jeqred l-armata tal-Filistin.” 16 Għalhekk, David għamel bħalma kien ikkmandah l-Alla l-veru, u qered l-armata tal-Filistin minn Gibegħon sa Geżer. 17 U David sar magħruf fl-artijiet kollha, u Ġeħova ġiegħel lill-popli kollha jibżgħu minnu.