L-Ewwel Kronaki
13 David ħa parir mingħand il-kapijiet tal-eluf u tal-mijiet u kull mexxej. 2 Imbagħad David qal lill-kongregazzjoni kollha t’Iżrael: “Jekk hu tajjeb għalikom u hu aċċettabbli għal Ġeħova l-Alla tagħna, ħa nibagħtu ngħidu lil ħutna li baqaʼ fl-artijiet kollha t’Iżrael u lill-qassisin u l-Leviti fil-bliet tagħhom* biex jingħaqdu magħna. 3 U ħa nġibu lura l-Arka tal-Alla tagħna.” Għax ma kinux ħadu ħsiebha fi żmien Sawl. 4 Il-kongregazzjoni kollha qablet li tagħmel hekk, għax dan kien tajjeb għaliha. 5 Għalhekk David laqqaʼ lil Iżrael kollu, mix-xmara* tal-Eġittu sa Lebo-ħamat,* biex jieħdu l-Arka tal-Alla l-veru minn Kirjat-ġegħarim.
6 David u Iżrael kollu telgħu Bagħala, lejn Kirjat-ġegħarim li hi taʼ Ġuda, biex itellgħu minn hemmhekk l-Arka tal-Alla l-veru, Ġeħova, li qiegħed bilqiegħda fuq it-tron fuq* il-kerubini, li ħdejha n-nies jgħajtu ismu. 7 Madankollu, l-Arka tal-Alla l-veru għabbewha fuq karru ġdid mid-dar t’Abinadab. Użżah u Aħjo kienu qed imexxu l-karru. 8 David u Iżrael kollu kienu qed jiċċelebraw kemm jifilħu quddiem l-Alla l-veru, ikantaw u jdoqqu l-arpi, strumenti tal-korda oħra, tanburlini, ċimbali, u trumbetti. 9 Imma meta waslu ħdejn Kidon, il-post fejn jiġu sseparati ċ-ċereali,* Użżah żamm l-Arka għax il-barrin kienu kważi qelbuha. 10 Għalhekk, Ġeħova rrabja ħafna maʼ Użżah, u qatlu għaliex kien mess l-Arka. Hu miet hemmhekk quddiem Alla. 11 Imma David irrabja* minħabba li Ġeħova kien iġġudika malajr lil Użżah. Minn dakinhar dan il-post issemma Pereż-użżah.*
12 Għalhekk David beżaʼ mill-Alla l-veru dakinhar u qal: “Kif nistaʼ nġib għandi l-Arka tal-Alla l-veru?” 13 David ma ħax l-Arka fejn kien joqgħod hu fil-Belt taʼ David, imma kkmanda biex jiħduha d-dar t’Għobed-edom il-Gitti. 14 L-Arka tal-Alla l-veru baqgħet għand in-nies taʼ dar Għobed-edom għal tliet xhur, u Ġeħova baqaʼ jbierek lin-nies taʼ dar Għobed-edom u kulma kellu.