Eżekjel
33 U l-kelma taʼ Ġeħova ġiet għandi, tgħid: 2 “Bin il-bniedem, kellem lil ulied il-poplu tiegħek,+ u għidilhom,
“‘Jekk jien inġib sejf+ fuq pajjiż u n-nies taʼ dan il-pajjiż, b’fehma waħda, jagħżlu raġel u jqegħduh għassies+ għalihom, 3 u dan jara s-sejf ġej fuq il-pajjiż u jdoqq il-qarn u jwissi lin-nies,+ 4 u jkun hemm min jismaʼ l-ħoss tal-qarn imma ma jagħtix kas it-twissija,+ u jiġi s-sejf u jieħdu, demmu jkun fuq rasu stess.+ 5 Hu jkun semaʼ l-ħoss tal-qarn, imma ma tax kas it-twissija. Demmu jkun fuqu nnifsu. Kieku laqaʼ t-twissija kien jeħles ruħu.+
6 “‘Issa min-naħa taʼ l-għassies, jekk hu jara s-sejf ġej u ma jdoqqx il-qarn+ u n-nies ma jingħataw l-ebda twissija u jiġi s-sejf u jieħu l-ħajja* minn fosthom, din tittieħed minħabba l-iżball taʼ dak li jkun stess,+ imma demmu nitolbu lura minn id l-għassies.’+
7 “Issa lilek, O bin il-bniedem, għassies għamiltek għal dar Israel,+ u se tismaʼ l-kelma minn fommi u twissihom għalija.+ 8 Meta ngħid lil xi ħadd ħażin, ‘O ħażin, int żgur se tmut!’+ imma int fil-fatt ma titkellimx sabiex twissi lill-ħażin dwar triqtu,+ hu nnifsu, billi hu ħażin, imut fl-iżball tiegħu,+ imma demmu nitolbu lura minn idejk. 9 Madankollu, jekk int twissi lil xi ħadd ħażin dwar triqtu sabiex idur lura minnha iżda hu fil-fatt ma jdurx lura minn triqtu, hu jmut fl-iżball tiegħu,+ imma int teħles lil ruħek.+
10 “Issa int, O bin il-bniedem, għid lil dar Israel, ‘Intom għedtu: “Jekk l-irvellijiet u d-dnubiet tagħna huma fuqna u aħna qed nitmermru fihom,+ mela, kif se nibqgħu ngħixu?”’+ 11 Għidilhom, ‘“Daqskemm jien ħaj,” hija l-kelma tal-Mulej Sovran Ġeħova, “jien mhux bil-mewt tal-ħażin nitgħaxxaq+ imma b’li xi ħadd ħażin idur lura+ minn triqtu u jibqaʼ jgħix.+ Duru lura, duru lura minn triqatkom il-ħżiena,+ għax għalfejn għandkom tmutu, O dar Israel?”’+
12 “U int, O bin il-bniedem, għid lil ulied il-poplu tiegħek, ‘Is-sewwa tal-ġust fih innifsu mhux se jeħilsu dakinhar li jirvella.+ Imma l-ħażen tal-ħażin mhux se jkun taʼ tfixkil għalih dakinhar li jdur lura mill-ħażen tiegħu.+ Lanqas ma se jkun jistaʼ jibqaʼ jgħix il-ġust minħabba s-sewwa tiegħu dakinhar li jidneb.+ 13 Meta ngħid lill-ġust: “Żgur se tibqaʼ tgħix,” u hu fil-fatt jafda fis-sewwa tiegħu u jagħmel l-inġustizzja,+ l-atti ġusti kollha tiegħu ma jitfakkrux, imma għall-inġustizzja li għamel—għal din imut.+
14 “‘U meta ngħid lill-ħażin: “Żgur se tmut,”+ u hu fil-fatt idur lura mid-dnub tiegħu+ u jwettaq il-ġustizzja u s-sewwa,+ 15 u l-ħażin irodd lura dak li ħa bħala rahan għad-dejn,+ iħallas lura l-affarijiet li ħa b’serq,+ u jimxi maʼ l-istatuti tal-ħajja billi ma jagħmilx l-inġustizzja,+ hu żgur jibqaʼ jgħix.+ Ma jmutx. 16 Ebda wieħed mid-dnubiet li dineb bihom ma se jitfakkar kontrih.+ Il-ġustizzja u s-sewwa huma dak li wettaq. Żgur se jibqaʼ jgħix.’+
17 “U wlied il-poplu tiegħek qalu, ‘It-triq taʼ Ġeħova mhix ġusta,’+ imma hija triqithom li mhix ġusta.
18 “Meta xi ħadd ġust idur lura mis-sewwa tiegħu u jagħmel l-inġustizzja, hu għandu jmut minħabba dan.+ 19 U meta xi ħadd ħażin idur lura mill-ħażen tiegħu u jwettaq il-ġustizzja u s-sewwa, jibqaʼ jgħix minħabba fihom.+
20 “U intom għedtu, ‘It-triq taʼ Ġeħova mhix ġusta.’+ Kull wieħed skond triqatu se niġġudikakom,+ O dar Israel.”
21 Fl-aħħar ġara fis-sena tnax, fl-għaxar xahar, fil-ħames jum tax-xahar taʼ l-eżilju tagħna, li ġie għandi l-wieħed maħrub minn Ġerusalemm,+ u qalli: “Il-belt waqgħet!”+
22 Issa id Ġeħova ġiet fuqi fil-għaxija qabel ġie għandi l-maħrub,+ u Hu fetaħli fommi qabel ma ġie dak il-wieħed fil-għodu, u fommi nfetaħ u ma bqajtx imbikkem iktar.+
23 U l-kelma taʼ Ġeħova bdiet ġejja għandi, tgħid: 24 “Bin il-bniedem, l-abitanti taʼ dawn il-postijiet imħarbtin+ qed jgħidu dwar l-art taʼ Israel, ‘Abraham kien wieħed waħdu u xorta ħa l-art f’idejh.+ U aħna qegħdin ħafna; lilna ngħatat l-art biex tkun tagħna.’+
25 “Għaldaqstant għidilhom, ‘Hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova: “Intom tkomplu tieklu l-laħam bid-demm,+ u tibqgħu terfgħu għajnejkom lejn l-idoli tagħkom moqżieża daqs id-demel,+ u tkomplu xxerrdu d-demm.+ Allura l-art għandha tkun tagħkom?+ 26 Intom striħajtu fuq is-sejf tagħkom.+ Għamiltu ħaġa mistkerrha,+ u kull wieħed minnkom kasbar lil mart sieħbu.+ U l-art għandha tkun tagħkom?”’+
27 “Dan għidilhom, ‘Hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova: “Daqskemm jien ħaj, dawk li qegħdin fil-postijiet imħarbtin żgur se jaqgħu bis-sejf;+ u dak li qiegħed fuq wiċċ ir-rabaʼ nagħtih lill-bhima salvaġġa bħala ikel;+ u dawk li qegħdin fil-postijiet b’saħħithom u fl-għerien+ se jmutu bil-pesta. 28 U l-pajjiż nagħmlu art abbandunata,+ iva, ħerba, u l-kburija taʼ saħħtu tintemm+ u l-muntanji taʼ Israel jiġu abbandunati,+ u ħadd ma jgħaddi minn hemmhekk. 29 U se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova meta l-pajjiż nagħmlu art abbandunata,+ iva, ħerba, minħabba l-affarijiet mistkerrhin kollha li għamlu.”’+
30 “U inkwantu għalik, O bin il-bniedem, ulied il-poplu tiegħek qed jitkellmu dwarek ħdejn il-ħitan u fil-bibien tad-djar,+ u wieħed tkellem maʼ l-ieħor, kull wieħed maʼ ħuh, u qal, ‘Ejjew, jekk jogħġobkom, u isimgħu x’inhi l-kelma li ġejja mingħand Ġeħova.’+ 31 U se jidħlu għandek bħalma jagħmlu s-soltu, u joqogħdu bil-qiegħda quddiemek bħala l-poplu tiegħi;+ u jisimgħu kliemek imma ma jagħmluhx,+ għax b’fommhom qed jesprimu xewqat bla rażan u qalbhom sejra wara qligħ inġust.+ 32 Għalihom int bħal għanja taʼ mħabba senswali, bħal xi ħadd li għandu leħen sabiħ u li jdoqq tajjeb strument tal-korda.+ U kliemek jisimgħuh, imma ħadd ma jagħmlu.+ 33 U meta jseħħ—ara, se jseħħ żgur+—huma se jkollhom ikunu jafu wkoll li kien hemm profeta f’nofshom.”+