It-Tieni Kronaki
31 Malli lestew dan kollu, l-Iżraelin kollha li kienu hemm ħarġu lejn il-bliet taʼ Ġuda. Huma kissru l-pilastri sagri, qaċċtu l-arbli sagri,* u waqqgħu l-postijiet għall-qima u l-artali mill-art kollha taʼ Ġuda u Benjamin, kif ukoll t’Efrajm u Manasse, sakemm qerduhom għalkollox. Wara, l-Iżraelin kollha marru lura fil-bliet fejn kienu jgħixu.
2 Imbagħad Ħeżekija organizza l-qassisin u l-Leviti fil-gruppi tagħhom, biex b’hekk ikunu jistgħu jagħmlu s-servizz li ġew inkarigati. Huma ħarqu l-offerti tal-ħruq u s-sagrifiċċji tal-paċi. Ukoll, huma qdew, irringrazzjaw, u faħħru lil Alla fil-bibien tal-btieħi* taʼ Ġeħova. 3 Ir-re kien jagħti sehem minn ġidu stess għall-offerti tal-ħruq, inkluż l-offerti taʼ filgħodu u taʼ filgħaxija, kif ukoll l-offerti tal-ħruq għas-Sabatijiet, għal kull qamar ġdid, u għall-festi, skont dak li hemm miktub fil-Liġi taʼ Ġeħova.
4 Barra minn hekk, hu kkmanda lin-nies li kienu jgħixu Ġerusalemm biex jagħtu s-sehem li kien imiss lill-qassisin u l-Leviti, sabiex jagħmlu eżatt bħalma tgħid* il-liġi taʼ Ġeħova. 5 Malli ħareġ il-kmand, l-Iżraelin taw ħafna mill-ewwel prodott taċ-ċereali,* tal-inbid ġdid, taż-żejt, tal-għasel, u tal-prodotti kollha tal-għelieqi. Huma ħadu b’abbundanza, għaxra fil-100 taʼ kollox. 6 U l-poplu t’Iżrael u taʼ Ġuda li kienu jgħixu fil-bliet taʼ Ġuda ħadu għaxra fil-100 mill-baqar, min-nagħaġ, u mill-affarijiet qaddisin li ġew iddedikati lil Ġeħova l-Alla tagħhom. Għalhekk, huma ġabru ħafna offerti. 7 Fit-tielet xahar bdew ipoġġu l-offerti li taw in-nies f’post wieħed, u fis-sebaʼ xahar kienu lesti. 8 Meta Ħeżekija u l-uffiċjali raw l-offerti kollha li kienu taw in-nies, faħħru lil Ġeħova u bierku lill-poplu tiegħu Iżrael.
9 Imbagħad Ħeżekija staqsa lill-qassisin u lil-Leviti dwar l-offerti li kienu taw in-nies. 10 U Għażarija l-qassis il-kbir tad-dar taʼ Sadok qallu: “Minn dakinhar li bdew iġibu l-offerti fid-dar taʼ Ġeħova, in-nies kielu u xebgħu u għad fadal ħafna, għax Ġeħova bierek lill-poplu tiegħu.”
11 Għal dan, Ħeżekija qalilhom biex jippreparaw xi mħażen* fid-dar taʼ Ġeħova, u hekk għamlu. 12 Huma baqgħu jagħtu lealment l-offerti, l-għaxra fil-100* tal-affarijiet li kellhom jagħtu, u l-affarijiet qaddisin. Konanija l-Levita ġie inkarigat biex jieħu ħsieb dawn l-affarijiet, u ħuh Simgħi kien it-tieni warajh. 13 Ġeħijel, Għażażija, Naħat, Għasael, Ġerimot, Ġożabad, Eligħel, Ismakija, Maħat, u Benaja kienu uffiċjali li jgħinu lil Konanija u ħuh Simgħi, bil-kmand tar-Re Ħeżekija. U Għażarija kien jieħu ħsieb id-dar tal-Alla l-veru. 14 U Kore bin Imnaħ, il-Levita li kien l-għassies tal-bieb fil-Lvant, kien jieħu ħsieb l-offerti volontarji tal-Alla l-veru, u kien iqassam il-kontribuzzjoni li tingħata lil Ġeħova u l-affarijiet l-iktar qaddisin. 15 U taħt id-direzzjoni tiegħu fil-bliet tal-qassisin kien hemm Għeden, Minjamin, Ġeswa, Semajja, Amarija, u Sekanija fix-xogħol li ġew fdati jagħmlu, jiġifieri li jagħtu l-istess kontribuzzjoni lil ħuthom il-qassisin li kienu fi gruppi, kemm lill-kbir u kemm liż-żgħir. 16 Barra minn hekk, taw dawn l-affarijiet ukoll lill-irġiel li kienu rreġistrati fil-linja ġenealoġika, jiġifieri lil dawk li kienu jmorru kuljum fid-dar taʼ Ġeħova biex jaqdu u jagħmlu x-xogħol tal-grupp tagħhom u t-tfal tagħhom minn tliet snin ’il fuq.
17 Ir-reġistrazzjoni tal-linja ġenealoġika tal-qassisin kienet skont dar missirijiethom, bħalma kienet dik tal-Leviti minn 20 sena ’l fuq, skont ix-xogħol tal-grupp tagħhom. 18 Ir-reġistrazzjoni tal-linja ġenealoġika kienet tinkludi lin-nisa, it-tfal, u l-membri tal-familja kollha tagħhom, għaliex huma baqgħu nodfa minħabba li kienu fdati biex jagħmlu xogħol qaddis. 19 Ir-reġistrazzjoni tal-linja ġenealoġika kienet tinkludi wkoll lil dawk li jiġu minn Aron, jiġifieri l-qassisin li kienu jgħixu fl-għelieqi tal-art taʼ madwar il-bliet fejn jirgħaw l-annimali. F’dawn il-bliet kollha, xi rġiel ġew magħżulin u ngħataw ir-responsabbiltà li jqassmu l-ikel lill-qassisin u lil dawk irreġistrati fil-linja ġenealoġika tal-Leviti.
20 Ħeżekija għamel hekk f’Ġuda kollu, u baqaʼ jagħmel dak li hu tajjeb u sewwa f’għajnejn Ġeħova l-Alla tiegħu u kien leali lejh. 21 Kull xogħol li għamel biex ifittex lill-Alla tiegħu, kemm jekk kellu x’jaqsam mas-servizz tad-dar tal-Alla l-veru u kemm jekk mal-Liġi u l-kmandamenti, għamlu b’qalbu kollha, u rnexxa.