Eżodu
38 Hu għamel l-artal tal-offerta tal-ħruq mill-injam tal-akaċja. Dan kien kwadru, twil ħames kubiti,* wiesaʼ ħames kubiti, u għoli tliet kubiti. 2 Imbagħad għamel qarn fuq kull kantuniera tiegħu. L-erbat iqrun kienu parti mill-artal. Wara hu ksieh bir-ram. 3 Wara dan, għamel l-għodod kollha tal-artal, il-bramel, il-pali, l-iskutelli, il-frieket, u r-reċipjenti għall-ġamar. Dawn l-għodod kollha għamilhom tar-ram. 4 Hu għamel ukoll gradilja tar-ram għall-artal, taħt ix-xifer tiegħu. Din kienet tasal sa nofs l-għoli tiegħu. 5 U għamel erbaʼ ħolqiet tar-ram fl-erbaʼ kantunieri ħdejn il-gradilja tar-ram, biex jidħlu l-lasti fihom. 6 Wara dan, għamel il-lasti mill-injam tal-akaċja u ksiehom bir-ram. 7 Hu għadda l-lasti minn ġol-ħoloq fuq il-ġnub tal-artal biex jinġarr minnhom. L-artal għamlu forma taʼ kaxxa magħmula mit-twavel u vojt minn ġewwa.
8 Imbagħad għamel il-vaska u l-bażi tagħha tar-ram. Hu uża l-mirja* li taw bħala kontribuzzjoni n-nisa li kienu organizzati biex jaqdu fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa.
9 Imbagħad hu għamel il-bitħa tat-tabernaklu. Għan-naħa tan-Nofsinhar, hu għamel purtieri mdendlin tal-għażel fin, twal 100 kubitu. 10 Kien hemm 20 pilastru b’20 pedestall tar-ram b’toqba fihom, u l-ganċijiet tal-pilastri u l-irbit* tagħhom kienu tal-fidda. 11 Ukoll, għan-naħa tat-Tramuntana kien hemm 100 kubitu taʼ purtieri mdendlin. L-20 pilastru u l-20 pedestall tagħhom b’toqba fihom kienu tar-ram. Il-ganċijiet tal-pilastri u l-irbit* tagħhom kienu tal-fidda. 12 Imma għan-naħa tal-Punent, il-purtieri mdendlin kienu twal 50 kubitu. Kien hemm għaxar pilastri u għaxar pedestalli b’toqba fihom, u l-ganċijiet tal-pilastri u l-irbit* tagħhom kienu tal-fidda. 13 Il-wisaʼ tal-bitħa għan-naħa tal-Lvant kienet 50 kubitu. 14 Kien hemm 15-il kubitu taʼ purtieri mdendlin fuq naħa waħda, bi tliet pilastri u tliet pedestalli b’toqba fihom. 15 U għan-naħa l-oħra tad-daħla tal-bitħa, kien hemm 15-il kubitu taʼ purtieri mdendlin, bi tliet pilastri u tliet pedestalli b’toqba fihom. 16 Il-purtieri mdendlin taʼ madwar il-bitħa kienu kollha tal-għażel fin. 17 Il-pedestalli għall-pilastri kienu tar-ram, il-ganċijiet tal-pilastri u l-irbit* tagħhom kienu tal-fidda, il-parti taʼ fuq kienet miksija bil-fidda, u kien hemm irbit tal-fidda għall-pilastri kollha tal-bitħa.
18 Il-purtiera tad-daħla tal-bitħa kienet minsuġa minn ħajt blu, suf vjola, ħajt aħmar jgħajjat, u għażel fin. Kienet twila 20 kubitu u għolja ħames kubiti, l-istess għoli tal-purtieri mdendlin tal-bitħa. 19 L-erbaʼ pilastri tagħha bl-erbaʼ pedestalli b’toqba fihom kienu tar-ram. Il-ganċijiet tagħhom kienu tal-fidda u l-parti taʼ fuq tagħhom u l-irbit* tagħhom kienu miksijin bil-fidda. 20 L-imsiemer kollha tat-tinda għat-tabernaklu u taʼ madwar il-bitħa kienu tar-ram.
21 Mosè kkmanda li ssir lista tal-materjal użat biex jinbena t-tabernaklu, jiġifieri t-tabernaklu tat-Testimonjanza. Il-Leviti għamlu dan taħt id-direzzjoni taʼ Itamar bin Aron il-qassis. 22 Besalel, it-tifel taʼ Uri u n-neputi taʼ Ħur, mit-tribù taʼ Ġuda, għamel kulma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè. 23 Miegħu kien hemm Oħolijab, bin Aħisamak mit-tribù taʼ Dan. Hu kien raġel tas-sengħa u wieħed li jirrakkma u wieħed li jinseġ il-ħajt blu, is-suf vjola, il-ħajt aħmar jgħajjat, u l-għażel fin.
24 Id-deheb kollu li ntuża għax-xogħol kollu tal-post qaddis kien daqs id-deheb tal-offerta li tiġi mxejra, 29 talent* u 730 xekel* skont ix-xekel tal-post qaddis.* 25 U l-fidda taʼ dawk mill-ġemgħa li kienu rreġistrati kienet 100 talent u 1,775 xekel skont ix-xekel tal-post qaddis.* 26 Kull individwu minn 20 sena ’l fuq li kien irreġistrat ta nofs xekel skont ix-xekel tal-post qaddis,* u b’kollox kien hemm 603,550 raġel.
27 Intużaw 100 talent fidda biex isiru l-pedestalli b’toqba fihom għall-post qaddis u l-pedestalli b’toqba fihom għall-purtiera; 100 pedestall kienu jiżnu 100 talent, talent għal kull pedestall. 28 Mill-1,775 xekel, għamel ganċijiet għall-pilastri, ksielhom il-parti taʼ fuq bil-fidda, u għaqqadhom flimkien.
29 Ir-ram tal-offerta* kien 70 talent u 2,400 xekel. 30 B’dan hu għamel il-pedestalli b’toqba fihom għad-daħla tat-tinda tal-laqgħa, l-artal tar-ram u l-gradilja tiegħu tar-ram, l-għodod kollha tal-artal, 31 il-pedestalli b’toqba fihom taʼ madwar il-bitħa, il-pedestalli b’toqba fihom tad-daħla tal-bitħa, u l-imsiemer kollha tat-tinda tat-tabernaklu u tat-tinda taʼ madwar il-bitħa.