Imħallfin
12 Imbagħad l-irġiel t’Efrajm ġew miġburin flimkien u qasmu lejn Safon* u qalu lil Ġefta: “Għala m’għedtilniex niġu miegħek meta qsamt biex tiġġieled kontra l-Għammonin? Se naħarqu darek bik fiha.” 2 Imma Ġefta qalilhom: “Jien u n-nies tiegħi kellna ġlieda kbira mal-Għammonin. Jien għajjattilkom għall-għajnuna, imma ma salvajtunix minn idejhom. 3 Meta rajt li ma kontux se ssalvawni, iddeċidejt li nissogra ħajti* u mmur kontra l-Għammonin, u Ġeħova tahomli f’idejja. Allura għala tlajtu biex tiġġieldu kontrija llum?”
4 Imbagħad, Ġefta ġabar l-irġiel kollha taʼ Gilegħad u ġġieldu maʼ dawk t’Efrajm. L-irġiel taʼ Gilegħad rebħu lill-irġiel t’Efrajm, li kienu qalu: “Intom sempliċement irġiel maħrubin minn Efrajm, ja Gilegħadin f’Efrajm u f’Manasse.” 5 Il-Gilegħadin ħadu f’idejhom l-ilmijiet baxxi tal-Ġordan u qiegħdu rġiel hemm biex ma jħallux lill-Efrajmin jaħarbu. Meta l-Efrajmin kienu jitolbu permess biex jaqsmu, il-Gilegħadin kienu jistaqsu: “Int Efrajmi?” Meta kien jgħid: “Le!” 6 kienu jitolbuh jgħid “Xibbolet.” Imma hu kien jgħid: “Sibbolet,” għax ma kienx ikun jistaʼ jgħid il-kelma tajjeb. Imbagħad kienu jaqbduh u joqtluh hemm. Għalhekk, f’dak iż-żmien inqatlu 42,000 minn Efrajm.
7 Ġefta l-Gilegħadi dam jiġġudika lil Iżrael għal sitt snin, u mbagħad miet u ndifen f’beltu f’Gilegħad.
8 Warajh, Ibsan minn Betlem iġġudika lil Iżrael. 9 Hu kellu 30 tifel u 30 tifla. Hu bagħat lill-bniet tiegħu biex jiżżewġu rġiel li ma kinux mill-familja tiegħu, u ġab 30 mara biex jiżżewġu lit-tfal tiegħu subien. Ibsan iġġudika lil Iżrael għal sebaʼ snin. 10 Imbagħad Ibsan miet u ndifen f’Betlem.
11 Warajh, Elon iż-Żebuluni ġġudika lil Iżrael għal għaxar snin. 12 Imbagħad Elon iż-Żebuluni miet u ndifen f’Ajjalon, fl-art taʼ Żebulun.
13 Warajh, Għabdon bin Ħillel il-Piratoni ġġudika lil Iżrael. 14 Hu kellu 40 tifel u 30 neputi li kienu jirkbu 70 ħmar. Hu ġġudika lil Iżrael għal tmien snin. 15 Imbagħad Għabdon bin Ħillel il-Piratoni miet u ndifen f’Piraton, fl-art t’Efrajm, fil-muntanja tal-Għamalekin.