Ġeremija
30 Jien, Ġeremija, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova: 2 “Hekk jgħid Ġeħova, l-Alla t’Iżrael, ‘Ikteb fi ktieb dak kollu li ngħidlek, 3 għax “ġej iż-żmien,” jgħid Ġeħova, “meta se niġbor lill-poplu tiegħi, Iżrael u Ġuda, li qegħdin fl-eżilju. Jien se nġibhom lura fl-art li tajt lil missirijiethom, u se terġaʼ tkun tagħhom, jgħid Ġeħova.”’”
4 Ġeħova bagħat dan il-messaġġ lil Iżrael u Ġuda.
5 Hekk jgħid Ġeħova:
“Intom smajtu l-għajjat tat-tkexkix;
Hemm il-biżaʼ, u mhux il-paċi.
6 Jekk jogħġobkom, staqsu jekk raġel jistax iwelled.
Allura għala kull raġel b’saħħtu għandu jdejh maʼ żaqqu
Bħal mara li qed twelled?
Għala kull wiċċ bjad?
7 Xi dwejjaq! Dik il-ġurnata se tkun waħda tal-biżaʼ.*
M’hemmx oħra bħalha,
Żmien taʼ inkwiet għal Ġakobb.
Imma jien se nsalvah.”
8 “U f’dik il-ġurnata,” jgħid Ġeħova tal-armati, “se nkisser il-madmad minn fuq għonq il-poplu tiegħi u naqtaʼ l-ħbula tagħhom fi tnejn, u l-barranin* mhux se jagħmluhom iktar l-ilsiera tagħhom. 9 Huma se jaqdu lil Ġeħova l-Alla tagħhom u lir-re tagħhom David, li se nagħtih biex imexxi fuqhom.”
10 “U int, il-qaddej tiegħi Ġakobb, tibżax,” jgħid Ġeħova,
“U int, Iżrael, titwerwirx.
Għax jien se nsalvak mill-bogħod
U lit-tfal tiegħek mill-art fejn qegħdin fl-eżilju.
Ġakobb se jiġi lura, ikun kalm u fil-paċi,
U ħadd mhu se jbeżżgħu.”
11 Ġeħova jgħid, “Għax jien miegħek biex insalvak.
Imma se neqred il-popli kollha li fihom xerridtek;
Madankollu, lilek mhux se neqirdek għalkollox.
Se niddixxiplinak* kemm ħaqqek
U żgur li se nikkastigak.”
12 Għax hekk jgħid Ġeħova:
“Il-ksur tiegħek ma jfiqx.
M’hemmx fejqan għall-ferita tiegħek.
13 M’hemm ħadd li jaqbeż għalik,
M’hemmx kura għall-ferita tiegħek.
M’hemmx fejqan għalik.
14 Il-maħbubin kollha tiegħek insewk.
M’għadhomx ifittxuk.
Għax għamiltlek ferita bħalma jagħmel għadu,
U kkastigajtek bħal xi ħadd aħrax,
Minħabba l-ħtija kbira u l-ħafna dnubiet tiegħek.
15 Għala qed tgħajjat minħabba l-ksur li għandek?
Int se tibqaʼ muġugħ!
Għamiltlek dan minħabba l-ħtija kbira tiegħek
U l-ħafna dnubiet tiegħek.
16 Għalhekk, dawk kollha li qed jeqirduk se jinqerdu,
U l-għedewwa kollha tiegħek ukoll se jmorru fl-eżilju.
Dawk li qed iħarbtuk se jitħarbtu,
U lil dawk kollha li qed jisirquk se nħallihom jiġu misruqa.”
17 “Imma jien se nagħtik saħħtek lura u nfejjaqlek il-feriti,” jgħid Ġeħova,
“Minkejja li int ikkunsidrata bħala mwarrba, u jgħidu:
‘Lil Sijon ħadd mhu qed ifittixha.’”
18 Hekk jgħid Ġeħova:
“Qed niġbor lill-ilsiera tat-tined taʼ Ġakobb,
U se tiġini ħasra għat-tabernakli tiegħu.
Il-belt se terġaʼ tinbena fuq l-għolja tagħha,
U t-torri ffortifikat se jkun fejn kien qabel.
19 U minn hemm se jinstemaʼ kliem taʼ ringrazzjament
U l-ħoss taʼ nies jidħqu.
Jien se nżidhom* u mhux se jkunu ftit;
Se nagħmilhom ħafna u mhux se jmaqdruhom.
20 It-tfal tagħhom se jkunu ħafna bħalma kienu fil-passat,
U huma se jsiru poplu b’saħħtu quddiemi.
Jien se nikkastiga lill-għedewwa kollha tagħhom.
21 Minn dan il-poplu stess se jkun hemm il-wieħed glorjuż
U l-mexxej tiegħu se joħroġ minn nofsu.
Jien se nħallih jiġi viċin, u hu se jiġi ħdejja.”
“Għax inkella min se jażżarda jiġi ħdejja?” jgħid Ġeħova.
22 “U intom issiru l-poplu tiegħi, u jien insir l-Alla tagħkom.”
23 Ir-rabja taʼ Ġeħova se toħroġ bħal riefnu,
Bħal tempesta qawwija li tiknes lill-ħżiena.
24 Ġeħova se jibqaʼ rrabjat ħafna
Sakemm jagħmel u jwettaq dak li għandu f’moħħu.
Fl-aħħar parti tal-jiem, intom se tifhmu dan.