Isaija
13 Dan hu messaġġ taʼ ġudizzju kontra Babilonja li jien Isaija bin Għamoż rajt f’viżjoni:
2 Alla jgħid: “Għollu arblu bħala sinjal fuq muntanja bla siġar.
Għajtulhom, xejrulhom,
Biex jidħlu mill-bibien tan-nies importanti.
3 Jien tajt il-kmand lil dawk li għażilt.*
Ġbart lill-gwerriera tiegħi, li jifirħu u huma kburin,
Biex jikkastigaw lil dawk li jirrabjawni.
4 Qegħdin tisimgħuh il-ħoss taʼ folla fil-muntanji?
Qed jinstemaʼ ħoss taʼ ħafna nies!
Qegħdin tisimgħuh l-istorbju sħiħ li qed jagħmlu s-saltniet,
L-istorbju tal-popli miġburin flimkien?
Jien, Ġeħova tal-armati, qed niġbor l-armata għall-gwerra.
5 Jien Ġeħova u l-armata tiegħi ġejjin minn pajjiż ’il bogħod,
Min-naħa l-oħra tad-dinja,*
Biex neqirdu l-art kollha.
6 Ibku għax il-jum li jien Ġeħova għażilt hu qrib!
Dakinhar, jien, Dak li Nistaʼ Kollox, se nġib qerda.
7 Huwa għalhekk li kulħadd se jibżaʼ
U jdejhom se jiddgħajfu.
8 In-nies qed jippanikjaw.
Qed jiġihom uġigħ f’daqqa u jaqbadhom uġigħ tal-ħlas,
Bħal mara li qed twelled.
Huma jħarsu lejn xulxin bil-biżaʼ,
U wiċċhom juri kemm qed ibatu.
9 Il-jum li jien Ġeħova għażilt ġej
B’korla u rabja kbira.
Din il-ġurnata mhu se turi ħniena maʼ ħadd,
Biex tagħmel l-art ħerba u biex teqred lill-midinbin* li hemm fiha.
10 Għax l-istilel u l-gruppi tal-istilel*
Mhux se jitfgħu dawl;
Meta titlaʼ x-xemx se jkun hemm id-dlam,
U l-qamar mhux se jitfaʼ d-dawl tiegħu.
11 Jien se nitlob kont min-nies tal-art għall-ħażen li għamlu
U kont minn dawk mill-agħar għad-dnubiet li għamlu.
Se nġib fix-xejn il-kburija tal-prużuntużi,
U se numilja lill-mexxejja kattivi li huma kburin.
12 Jien se nagħmel lil sempliċi bniedem rari iktar mid-deheb irfinut,
U l-bnedmin rari iktar mid-deheb t’Ofir.
13 Jien, Ġeħova tal-armati, se nriegħed is-sema,
U dakinhar li nkun irrabjat ħafna,
Nheżżeż l-art minn postha.
14 Bħalma ċerva taħrab tiġri mill-kaċċatur u bħal merħla mingħajr ragħaj,
Kull wieħed se jmur lura għand in-nies tiegħu;
Kull wieħed se jaħrab lejn il-pajjiż tiegħu.
15 Kull min jinstab se jiġi minfud b’arma,
U kull min jinqabad se jiġi maqtul b’xabla.
16 It-tfal tagħhom se jqattgħuhom biċċiet quddiem għajnejhom,
Se jisirqulhom djarhom,
U se jistupraw lin-nisa tagħhom.
19 U Babilonja, l-iktar glorjuża mis-saltniet,
Il-belt sabiħa li tagħmel lill-Kaldin kburin,
Se jiġrilha bħal meta Alla qered lil Sodoma u Gomorra.
20 Mhux se jkun hemm iktar nies jgħixu fiha,
Il-ġenerazzjoni tal-futur mhux se jgħixu hemm.
L-ebda Għarbi mhu se jarma t-tinda tiegħu hemm,
U l-ebda ragħaj mhu se jħalli l-imrieħel tiegħu jistrieħu hemm.
21 L-annimali tad-deżert se jistrieħu hemm;
Id-djar tagħhom se jkunu mimlijin bil-kokk imperjali.
22 Annimali slavaġ se jgħajtu fit-torrijiet tagħha
U l-klieb slavaġ se jgħajtu fil-palazzi lussużi tagħha.
Iż-żmien tal-kastig tagħha hu qrib, u mhux se jdum.”