Dewteronomju
17 “Lil Ġeħova l-Alla tiegħek toffrilux barri jew nagħġa li jkollha difett jew xi ħaġa ħażina, għax din tkun moqżieża għal Ġeħova l-Alla tiegħek.
2 “Ejja ngħidu li f’xi waħda mill-bliet li qed jagħtik Ġeħova l-Alla tiegħek ikun hemm xi ħadd, raġel jew mara, li jipprattika dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova l-Alla tiegħek u jikser il-patt tiegħu, 3 u dan jiżvija u jqim u jmil quddiem allat oħrajn, quddiem ix-xemx, il-qamar, jew l-istilel, xi ħaġa li jien ma kkmandajtx. 4 Meta jgħidulek b’dan jew tismaʼ bih, int għandek tinvestiga l-każ sew. Jekk jiġi kkonfermat li din il-ħaġa moqżieża vera tkun saret f’Iżrael, 5 oħroġ lil dak li jkun għamel din il-ħaġa ħażina mill-bibien taʼ beltek, u trid twaddablu l-ġebel sakemm imut. 6 Dan għandu jinqatel skont ix-xhieda taʼ żewġ persuni jew tlieta. Ma jinqatilx skont ix-xhieda taʼ persuna waħda. 7 Dawk li jkunu xhieda għandhom ikunu l-ewwel li jwaddbulu l-ġebel biex joqtluh, u mbagħad ikompli jwaddablu l-ġebel il-poplu kollu. Int trid tneħħi dak li hu ħażin minn nofsok.
8 “Jekk f’waħda mill-bliet tiegħek ikun hemm każ li jkun diffiċli wisq għalik biex tiġġudikah, kemm jekk ikun każ taʼ qtil, kawża legali, att vjolenti, u kemm jekk ikunu każijiet oħra taʼ nuqqas taʼ qbil, għandek tmur lejn il-post li jagħżel Ġeħova l-Alla tiegħek. 9 Mur għand il-qassisin Leviti u għand l-imħallef li jkun qed jaqdi dak iż-żmien, u staqsihom dwar il-każ u jagħtuk id-deċiżjoni. 10 Imbagħad agħmel skont id-deċiżjoni li jagħtuk mill-post li jagħżel Ġeħova. Qis li tagħmel skont kulma jgħidulek. 11 Għandek tagħmel skont il-liġi li juruk u skont id-deċiżjoni li jgħidulek. Twarrabx mid-deċiżjoni li jagħtuk, la lejn il-lemin u lanqas lejn ix-xellug. 12 Ir-raġel prużuntuż li ma jismax mill-qassis li qed jaqdi lil Ġeħova l-Alla tiegħek jew mill-imħallef, għandu jmut. Int trid tneħħi dak li hu ħażin minn Iżrael. 13 Imbagħad, in-nies kollha jisimgħu u jibżgħu, u ma jkunux prużuntużi iktar.
14 “Meta tidħol fl-art li qed jagħtik Ġeħova l-Alla tiegħek u tkun ħadtha f’idejk u tkun qed tgħix fiha, u tgħid, ‘Ħa ninkariga re fuqi bħall-popli kollha taʼ madwari,’ 15 qis li tinkariga re li jagħżel Ġeħova l-Alla tiegħek. Għandek tagħżel re mill-poplu tiegħek. Ma tistax tagħżel barrani li mhuwiex mill-poplu tiegħek. 16 Madankollu, hu m’għandux jakkwista ħafna żwiemel għalih jew iġiegħel lin-nies imorru lura l-Eġittu sabiex iġibu iktar żwiemel, għax Ġeħova qalilkom, ‘Qatt m’għandkom tmorru lura l-Eġittu.’ 17 Lanqas m’għandu jiżżewweġ ħafna nisa, sabiex qalbu ma titwarrabx minni. U m’għandux jakkwista ammonti kbar taʼ fidda u deheb. 18 Meta jsir re, irid jikteb għalih kopja taʼ din il-Liġi fi ktieb.* Għandu jikkopjaha mil-Liġi li qiegħda għand il-qassisin Leviti.
19 “Din trid tibqaʼ għandu, u jrid jaqra minnha l-jiem kollha taʼ ħajtu, sabiex jitgħallem jirrispetta ħafna lil* Ġeħova l-Alla tiegħu u jobdi l-kliem kollu taʼ din il-Liġi u dawn ir-regoli billi jagħmilhom. 20 B’hekk qalbu ma titkabbarx fuq ħutu, u ma jwarrabx mill-kmandamenti, la lejn il-lemin u lanqas lejn ix-xellug, biex b’hekk jibqaʼ żmien twil imexxi, hu u t-tfal tiegħu f’nofs Iżrael.