Ġeremija
46 Dan hu l-messaġġ li Ġeħova ta lili, il-profeta Ġeremija, dwar il-popli: 2 Għall-Eġittu, dwar l-armata tal-Fargħun Neko r-re tal-Eġittu, li ntrebaħ f’Karkemis ħdejn ix-Xmara Ewfrat mir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja fir-rabaʼ sena tat-tmexxija tar-Re Ġeħojakim taʼ Ġuda t-tifel taʼ Ġosija:
4 Rikkieba taż-żwiemel, ippreparaw iż-żwiemel u irkbuhom.
Ħudu postkom u ilbsu l-elmu.
Illostraw il-lanez u ilbsu l-kurazza.
5 ‘Għala qed narahom imwerwrin?
Huma qed jirtiraw, u l-gwerriera tagħhom ġew megħlubin.
Huma ħarbu ppanikjati, u l-gwerriera tagħhom lanqas daru lura biex jaraw x’inhu jiġri.
Hemm biżaʼ maʼ kullimkien,’ jgħid Ġeħova.
6 ‘Il-ħfief u l-gwerriera ma jistgħux jaħarbu.
Huma tfixklu u waqgħu fit-Tramuntana,
Ħdejn ix-Xmara Ewfrat.’
7 Min hu dan li tielaʼ bħax-Xmara Nil,
Bħax-xmajjar li jfuru bl-ilma?
8 L-Eġittu tielaʼ bħax-Xmara Nil,
Bħal xmajjar li jfuru bl-ilma,
U hu jgħid, ‘Jien se nitlaʼ u niksi l-art.
Se neqred il-belt u lil dawk li jgħixu fiha.’
9 Rikkieba taż-żwiemel, itilgħu għall-gwerra!
Rikkieba tal-karrijiet, suqu bħal imġienen!
Ħalli lis-suldati joħorġu għall-gwerra,
Kus u Put, li jżommu t-tarka,
U l-Ludin, li jużaw il-qaws bis-sengħa.
10 “Dik il-ġurnata hi tas-Sid taʼ Kollox,* Ġeħova tal-armati, il-ġurnata tal-vendetta li se jpattiha lill-għedewwa tiegħu. U x-xabla se tiblaʼ, tixbaʼ, u timtela b’demmhom, għax is-Sid taʼ Kollox, Ġeħova tal-armati, se joqtolhom* fl-art tat-Tramuntana ħdejn ix-xmara Ewfrat.
11 “Eġittu,* itlaʼ Gilegħad u ġib ftit balzmu.
Għalxejn użajt ħafna affarijiet biex ifejquk
Għax ma tistax tfiq.
12 Il-popli semgħu bid-diżunur tiegħek,
U l-għajta tiegħek instemgħet mal-pajjiż kollu.
Gwerrier jitfixkel fi gwerrier ieħor,
U t-tnejn li huma jaqgħu flimkien.”
13 Dan hu l-messaġġ li Ġeħova qal lili, il-profeta Ġeremija, dwar li ġej ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja biex jegħleb l-art tal-Eġittu:
14 “Għidu dan fl-Eġittu, xandruh f’Migdol.
Xandruh f’Nof* u f’Taħfanħes.
Għidu, ‘Ħudu postkom u kunu ppreparati,
Għax xabla se teqred in-nies kollha taʼ madwarkom.
15 Għala l-irġiel b’saħħithom tiegħek ġew imkaxkrin?
Huma ma żammewx sod,
Għax Ġeħova mbottahom.
16 Huma qed jitfixklu u jaqgħu bi kwantità kbira.
Qed jgħidu lil xulxin:
“Ejja nqumu. Ejja mmorru lura lejn in-nies u l-pajjiż tagħna,
Għax ix-xabla qed tintuża bla ħniena.”’
17 Huma hemmhekk qed ixandru,
‘Il-Fargħun, ir-re tal-Eġittu, paroli biss għandu.
Kellu l-opportunità u tilifha.’*
18 Ir-Re li ismu hu Ġeħova tal-armati jgħid: ‘Naħlef bija nnifsi daqskemm jien ħaj
Li hu* se jidħol bħalma hi l-muntanja Tabor fost il-muntanji
U bħall-Karmel ħdejn il-baħar.
19 Nies tal-Eġittu,
Ippreparaw l-affarijiet tagħkom biex tmorru fl-eżilju.
20 L-Eġittu hu bħal baqra żgħira* sabiħa.
Imma d-dubbien li joqros se jiġi kontrih mit-Tramuntana.
21 Anki s-suldati mikrijin li hemm f’nofsu huma bħal barrin żgħar* imsemmnin,
Imma anki huma daru lura u ħarbu flimkien.
Ma setgħux jibqgħu sodi,
Għax ġiet fuqhom il-ġurnata tad-diżastru tagħhom,
Meta ntalab kont minnhom.’
22 ‘Il-ħoss tiegħu hu bħal taʼ serp li qed jaħrab,
Għax l-għedewwa b’saħħithom ġejjin kontrih bħal mannara,
Bħall-irġiel li jaqtgħu s-siġar.
23 Ġeħova jgħid, ‘Huma se jaqtgħulu l-foresta, għalkemm jidher li ħadd ma jistaʼ jgħaddi minnha.
Għax huma ħafna iktar mill-ġurati u lanqas tistaʼ tgħoddhom.
24 In-nies tal-Eġittu* se jiġu mwaqqgħin għaċ-ċajt.
Huma se jingħataw lin-nies tat-Tramuntana.’
25 “Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, jgħid, ‘Issa qed nitlob kont minn Amon taʼ No,* mill-Fargħun, mill-Eġittu, mill-allat tiegħu, u mir-rejiet tiegħu. Iva, mill-Fargħun u dawk kollha li jafdaw fih.’
26 “‘U jien se nagħtihom f’idejn dawk li jridu joqtluhom, f’idejn ir-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja, u f’idejn il-qaddejja tiegħu. Imma wara, fl-Eġittu se jerġgħu jgħixu n-nies bħalma kienu qabel,’ jgħid Ġeħova.
27 ‘Imma int, il-qaddej tiegħi Ġakobb, tibżax,
U int, Iżrael, titwerwirx.
Għax jien se nsalvak mill-bogħod
U se nsalva lit-tfal tiegħek mill-art fejn qegħdin fl-eżilju.
Ġakobb se jiġi lura, ikun kalm u fil-paċi,
U ħadd mhu se jbeżżgħu.
28 Għalhekk tibżax, Ġakobb il-qaddej tiegħi, għax jien miegħek,ʼ jgħid Ġeħova.
Jien se neqred il-popli kollha li fihom xerridtek,
Imma lilek mhux se neqirdek għalkollox.
Se niddixxiplinak* kemm ħaqqek,
U żgur li se nikkastigak.’”