Dewteronomju
7 “Meta Ġeħova l-Alla tiegħek idaħħlek fl-art li daqt tidħol fiha u tiħodha f’idek, iwarrab minn quddiemek popli kbar: il-Ħittin, il-Girgasin, l-Amurrin, il-Kangħanin, il-Pereżin, il-Ħiwwin, u l-Ġebusin, sebaʼ popli akbar u iktar b’saħħithom minnek. 2 Ġeħova l-Alla tiegħek se jerħihom f’idek u int tegħlibhom. Qis li teqridhom, li ma tagħmel ebda patt magħhom, u lanqas tħenn għalihom. 3 Titħallatx b’rabta taż-żwieġ magħhom. Iżżewwiġx il-bniet tiegħek lis-subien tagħhom jew il-bniet tagħhom lis-subien tiegħek. 4 Għax huma jbiegħdu lit-tfal tiegħek milli jimxu wara Alla biex jaqdu lil allat oħrajn. Imbagħad Ġeħova jirrabja ħafna kontrikom u malajr iġibkom fix-xejn.
5 “Minflok, dan għandkom tagħmlulhom: Kissru l-artali u l-pilastri sagri tagħhom, qaċċtu l-arbli sagri* tagħhom, u aħarqu l-istatwi minquxin tagħhom. 6 Għax int poplu qaddis għal Ġeħova l-Alla tiegħek, u Ġeħova l-Alla tiegħek għażlek biex issir il-poplu tiegħu, il-poplu speċjali* tiegħu mill-popli kollha fuq wiċċ l-art.
7 “Mhux għax kontu l-akbar mill-popli kollha li Ġeħova wera affezzjoni lejkom u għażilkom, għax intom kontu l-iżgħar mill-popli kollha. 8 Imma kien għax Ġeħova ħabbkom, u għax żamm il-ħalfa li kien għamel maʼ missirijietkom li Ġeħova ħariġkom b’id b’saħħitha, sabiex jifdikom* mill-art fejn kontu lsiera, minn id il-Fargħun ir-re tal-Eġittu. 9 Int taf tajjeb li Ġeħova l-Alla tiegħek hu l-Alla l-veru, l-Alla l-leali, li jżomm il-patt u juri mħabba u lealtà* maʼ dawk li jħobbuh u jobdu l-kmandamenti tiegħu għal elf ġenerazzjoni. 10 Imma lil dawk li jobogħduh ipattihielhom billi jeqridhom. Hu mhux se jdum biex jikkastiga lil dawk li jobogħduh; hu jpattihielhom billi jeqridhom. 11 Għalhekk, qis li tobdi l-kmandamenti, ir-regoli, u d-deċiżjonijiet ġudizzjali li qed nikkmandak illum billi tagħmilhom.
12 “Jekk tkompli tismaʼ, tobdi, u tagħmel dawn id-deċiżjonijiet ġudizzjali, Ġeħova l-Alla tiegħek iżomm il-patt u juri mħabba u lealtà bħalma ħalef lil missirijietek. 13 Hu se jħobbok, ibierkek, u jżidek fl-art li ħalef lil missirijietek li jagħtik. Iva, ibierkek b’ħafna tfal* u b’abbundanza taʼ prodotti tal-għelieqi, ċereali,* inbid ġdid, żejt, u wkoll b’ħafna frieħ tal-baqar u tan-nagħaġ. 14 Issir l-iktar imbierek mill-popli kollha. Ma jkunx hemm fostkom raġel jew mara li ma jkollhiex tfal, u l-imrieħel tagħkom kollha jkollhom il-frieħ. 15 Ġeħova jneħħilek il-mard kollu, u ma jġib fuqek ebda mard ikrah li rajt fl-Eġittu. Minflok, iġibu fuq dawk kollha li jobogħduk. 16 Int għandek teqred* lill-popli kollha li jagħtik Ġeħova l-Alla tiegħek. Int m’għandekx titħassarhom u lanqas taqdi lill-allat tagħhom, għaliex dan ikun taʼ nassa għalik.
17 “Jekk f’qalbek tgħid, ‘Dawn il-popli huma iktar minni. Kif nistaʼ nkeċċihom?’ 18 tibżax minnhom. Għandek tfakkar lilek innifsek f’dak li Ġeħova l-Alla tiegħek għamel lill-Fargħun u lill-Eġittu kollu, 19 fil-kastigi* kbar li raw għajnejk, is-sinjali, il-mirakli, l-id b’saħħitha u l-qawwa kbira li bihom ħarġek Ġeħova l-Alla tiegħek. Hekk se jagħmel Ġeħova l-Alla tiegħek lill-popli kollha li tibżaʼ minnhom. 20 Ġeħova l-Alla tiegħek se jġegħelhom iħossuhom skuraġġiti* sakemm imutu dawk kollha li jkun baqaʼ u li jkunu qed jinħbew minn quddiemek. 21 Titwerwirx minħabba fihom, għax Ġeħova l-Alla tiegħek hu miegħek, u hu Alla kbir li taʼ min jibżaʼ minnu u jirrispettah.
22 “Ġeħova l-Alla tiegħek żgur li se jkeċċi lil dawn il-popli minn quddiemek ftit ftit. M’intix se titħalla teqridhom malajr, sabiex l-annimali slavaġ ma jiżdidux kontrik. 23 Ġeħova l-Alla tiegħek se jerħihom f’idek u jegħlibhom għalkollox sakemm jiġu fix-xejn. 24 Hu se jagħti f’idek ir-rejiet tagħhom, u int tħassar isimhom minn taħt is-sema. Ħadd mhu se jiqaflek, sakemm tkun qridthom għalkollox. 25 Għandek taħraq l-istatwi minquxin tal-allat tagħhom. Tixtieqx il-fidda u d-deheb taʼ fuqhom, u tiħodhomx għalik, biex ma jkunux taʼ nassa għalik, għax din il-ħaġa hi moqżieża għal Ġeħova l-Alla tiegħek. 26 Iddaħħalx f’darek affarijiet li Alla jobgħod, sabiex ma jeqirdekx magħhom. Għandek tobgħodhom b’qalbek kollha għax huma affarijiet li għandhom jinqerdu.