Isaija
49 Intom li toqogħdu fil-gżejjer, isimgħuni,
Intom popli li toqogħdu ’l bogħod, agħtu kas.
Ġeħova għajjatli qabel twilidt.
Hu semma ismi minn meta kont għadni f’żaqq ommi.
2 Hu għamilli lsieni bħal xabla taqtaʼ;
Ħbieni fid-dell t’idu.
Hu għamilni bħal vleġġa misnuna;
Ħbieni fil-barżakka tiegħu.
3 Hu qalli: “Iżrael, int il-qaddej tiegħi.
Permezz tiegħek, se nuri s-sbuħija tiegħi.”
4 Imma jien għedt: “Ħdimt iebes għalxejn.
Użajt saħħti għal xi ħaġa li ma teżistix, li ma tiswa għal xejn.
Imma Ġeħova żgur se jagħmel ġustizzja miegħi,
U l-Alla tiegħi se jagħtini l-premju.”*
5 U issa Ġeħova, il-Wieħed li għamilni f’żaqq ommi bħala l-qaddej tiegħu,
Qalli biex nerġaʼ nġib lil Ġakobb quddiemu,
Biex l-Iżraelin ikunu miġburin għandu.
Jien se niġi gglorifikat f’għajnejn Ġeħova,
U l-Alla tiegħi se jkun sar is-saħħa tiegħi.
6 Hu qalli: “Int m’intix biss il-qaddej tiegħi
Biex tqajjem it-tribujiet taʼ Ġakobb
U biex terġaʼ ġġib in-nies t’Iżrael li baqgħu ħajjin,
Imma bgħattek ukoll bħala d-dawl tal-popli,
Biex tkun il-mezz kif insalva n-nies tal-art kollha.”
7 Ġeħova, Dak li Jixtri Lura lil Iżrael, il-Qaddis tiegħu, jgħid hekk lil dak li ġie mmaqdar, lill-wieħed li l-poplu jobogħdu, lill-qaddej tal-mexxejja:
“Minħabba dak li se jaraw, ir-rejiet se jqumu
U l-mexxejja se jinżlu għarkopptejhom,
Għax Ġeħova, li hu leali,
Il-Qaddis t’Iżrael, għażlek.”
8 Ġeħova jgħid:
“Jien wiġibtek meta kien iż-żmien biex nurik ħniena,
U għentek meta kien iż-żmien biex tiġi salvat;
Bqajt nipproteġik biex tkun bħal patt bejni u bejn in-nies,
U terġaʼ tirranġa l-art kif kienet
Ħalli jerġgħu jieħdu l-wirt tagħhom li kien abbandunat,
9 Biex tgħid ukoll lill-ħabsin, ‘Oħorġu!’
U lil dawk li qegħdin fid-dlam, ‘Ejjew fid-dawl!’
Huma se jkunu bħal nagħaġ
Se jkollhom x’jieklu maġenb it-toroq, u fil-passaġġi* kollha se jsibu x’jieklu.
10 La se jkunu bil-ġuħ u lanqas bil-għatx,
La tixwihom is-sħana u lanqas ma tisreġ fuqhom ix-xemx.
Għax jien Dak li qed nurihom ħniena se mmexxihom,
U se niggwidahom lejn għejun tal-ilma.
11 Il-muntanji tiegħi kollha se nagħmilhom toroq,
U se ngħolli t-toroq prinċipali tiegħi.
12 In-nies ġejjin mill-bogħod ħafna,
Hemm minnhom ġejjin mit-Tramuntana u mill-Punent,
U oħrajn ġejjin mill-art taʼ Sinim.”
13 Sema, għajjat bil-ferħ, u art ifraħ.
Ħalli l-muntanji jifirħu b’għajjat taʼ ferħ.
Għax Ġeħova farraġ lill-poplu tiegħu,
U hu juri ħniena man-nies tiegħu li qed ibatu.
14 Imma Sijon baqgħet tgħid:
“Ġeħova abbandunani, u Ġeħova nsieni.”
15 Tistaʼ omm tinsa lit-tarbija tagħha,
Jew ma turix ħniena mat-tifel li welldet?
Anki jekk dawn in-nisa jinsew, jien qatt ma ninsiek.
16 Ismek miktub fuq il-pali taʼ jdejja.
Is-swar tiegħek huma dejjem quddiemi.
17 It-tfal tiegħek se jħaffu biex jiġu lura.
Dawk li ħarbtuk u qerduk, jitilqu minnek.
18 Ħares madwarek.
Kollha qed jinġabru flimkien.
Ġejjin għandek.
Ġeħova jgħid: “Naħlef bija nnifsi l-Alla l-ħaj,
Li se tiżżejjen bihom qisek qed tilbes ħwejjeġ sbieħ,
U se torbothom miegħek bħalma għarusa tilbes ġiżirana.
19 Għalkemm kont meqruda u abbandunata, u l-art tiegħek kienet ħerba,
Issa tant se jkun hemm nies jgħixu fik li se jkunu mrassin,
U dawk li belgħuk se jkunu ’l bogħod ħafna.
20 It-tfal li twildulek meta mitulek it-tfal l-oħra se jgħidulek,
‘Dan il-post mimli nies.
Għandi bżonn l-ispazju biex ngħix hawn.’
21 U int tgħid f’qalbek,
‘Jien mara li mituli t-tfal u ma jistax ikolli iktar,
Eżiljata u priġuniera,
Allura min hu l-missier taʼ dawn it-tfal li ngħatawli?
Min rabbiehom?
Lili ħallewni waħdi,
Allura minn fejn ġew?’”
22 Ġeħova s-Sid taʼ Kollox* jgħid:
“Se nagħmel sinjal b’idi għall-ġnus,
U se ngħolli l-arblu bħala sinjal għall-popli.
Huma se jerfgħu u jġibu lis-subien tiegħek,
U lill-bniet tiegħek se jġorruhom fuq spallejhom.
23 Ir-rejiet se jieħdu ħsiebek,
U l-prinċipessi tagħhom se jkunu l-qaddejja tiegħek.
Se jmilu quddiemek b’wiċċhom mal-art
U jilagħqu t-trab taʼ saqajk;
U se jkollok tkun taf li jien Ġeħova;
Dawk li jittamaw fija mhux se jkollhom għal xiex jistħu.”
24 Jistaʼ xi ħadd jieħu lil min diġà nqabad minn raġel b’saħħtu,
Jew jistgħu jinħelsu l-ħabsin minn idejn it-tirann?
25 Imma Ġeħova jgħid:
“Anki l-ħabsin taʼ raġel b’saħħtu se jinħelsu
U dawk maqbudin mit-tirann se jiġu salvati minn taħt idejh.
Jien se niħodha kontra dawk li jiħduha kontrik
U se nsalva lit-tfal tiegħek.
26 Se nġiegħel lil dawk li jittrattawk ħażin jieklu laħamhom stess,
U se jiskru b’demmhom stess bħalma jiskru bi nbid ħelu.
U n-nies kollha se jkollhom ikunu jafu li jien Ġeħova,
Dak li Nsalvak u Dak li Nixtrik Lura,
L-Alla b’Saħħtu taʼ Ġakobb.”