Ġeremija
3 In-nies jistaqsu: “Jekk raġel ikeċċi lill-mara tiegħu u hi titilqu u ssir il-mara taʼ raġel ieħor, għandu hu jerġaʼ lura għandha?”
Ma ġietx din l-art imniġġsa għalkollox?
“Int għamilt il-prostituzzjoni maʼ ħafna rġiel,
Allura għandek issa terġaʼ lura għandi?” jgħid Ġeħova.
2 “Ħares u ara l-għoljiet li ma jitlaʼ xejn fuqhom.
Hemm xi post li ma mteddejtx mal-irġiel?
Int kont toqgħod bilqiegħda fit-toroq tistenniehom,
Bħal Għarbi li jistenna fid-deżert.
Int qed tibqaʼ tniġġes l-art
Bil-prostituzzjoni u l-ħażen tiegħek.
3 Hu għalhekk li mhux qed jagħmlu ħalbiet tax-xita,
U lanqas fir-rebbiegħa ma kien hemm xita.
Int bla mistħija u taġixxi bħal mara miżżewġa li tagħmel il-prostituzzjoni;
Int ma stħajtx.
4 Imma issa tgħajjatli u tgħidli,
‘Missier, int il-ħabib tal-qalb tiegħi minn mindu kont żgħira!
5 Se tibqaʼ int irrabjat għal dejjem,
Jew dejjem iżżomm f’qalbek?’
Int hekk tgħid,
Imma tibqaʼ tagħmel il-ħażin kollu li kapaċi tagħmel.”
6 Fi żmien ir-Re Ġosija, Ġeħova qalli: “‘Rajt x’għamlet il-mara mhux leali Iżrael? Hi marret fuq kull muntanja għolja u taħt kull siġra b’saħħitha biex tagħmel il-prostituzzjoni. 7 Anki wara li għamlet dan kollu, jien bqajt ngħidilha biex terġaʼ lura għandi, imma hi ma ġietx; u oħtha Ġuda baqgħet tara n-nuqqas tal-lealtà tagħha. 8 Meta rajt dan, jien keċċejt lil Iżrael li hi ribelluża b’ċertifikat tad-divorzju minħabba li għamlet adulterju. Imma oħtha Ġuda li mhux leali ma beżgħetx; anki hi marret u għamlet il-prostituzzjoni. 9 Hi* ma kienx jimpurtaha li qed tagħmel il-prostituzzjoni, u baqgħet tniġġes l-art u tagħmel adulterju billi tqim il-ġebel u s-siġar. 10 Minkejja dan kollu, oħtha Ġuda li mhux leali ma ġietx lura għandi b’qalbha kollha, imma għamlet biss tabirruħha,’ jgħid Ġeħova.”
11 Imbagħad Ġeħova qalli: “Iżrael li hi ribelluża wriet li hi* inqas ħatja minn Ġuda li mhux leali. 12 Mur u għid dan il-kliem lin-nies li qegħdin fit-Tramuntana:
“‘“Iżrael ir-ribelluża, ejja lura,” jgħid Ġeħova.’ ‘“Jien mhux se nħares lejk irrabjat, għax jien leali,” jgħid Ġeħova.’ ‘“Jien mhux se nibqaʼ nżomm f’qalbi għal dejjem. 13 Imma ammetti l-ħtija tiegħek, għax int irribellajt kontrija, Ġeħova l-Alla tiegħek. Int komplejt timtedd mal-istranġieri* taħt kull siġra b’saħħitha, u ma smajtx minni,” jgħid Ġeħova.’”
14 “Tfal ribellużi, ejjew lura,” jgħid Ġeħova. “Għax jien sirt l-uniku sid tagħkom;* u se niħodkom wieħed minn hawn u tnejn minn hemm* u nġibkom f’Sijon. 15 U se nagħtikom ragħajja li jaġixxu kif irrid jien,* u huma se jagħtukom l-għarfien u jgħinukom tifhmu. 16 Dak iż-żmien, intom se ssiru ħafna u tiżdiedu fin-numru fil-pajjiż,” jgħid Ġeħova. “Qatt iktar mhu se titkellmu dwar l-arka tal-patt taʼ Ġeħova. Mhux se taħsbu dwarha, tiftakruha jew timmissjawha, u lanqas se terġgħu tagħmlu oħra. 17 Dak iż-żmien, Ġerusalemm se tissejjaħ it-tron taʼ Ġeħova; u l-popli kollha se jinġabru flimkien biex ifaħħru isem Ġeħova f’Ġerusalemm, u ma jibqgħux jagħmlu dak li tixtieq qalbhom li hi ħażina.”
18 “F’dak iż-żmien, il-poplu taʼ Ġuda u t’Iżrael se jimxu maġenb xulxin, u flimkien se jiġu mill-pajjiż tat-Tramuntana għal ġol-pajjiż li jien tajt lil missirijietkom bħala wirt. 19 U jien ħsibt, ‘Kemm kont ferħan li nittrattakom bħala t-tfal tiegħi* u nagħtikom l-art sabiħa, l-isbaħ wirt fost il-popli!’* Ħsibt ukoll li intom kontu se ssejħuli ‘Missier!ʼ u li se tibqgħu tobduni.’ 20 ‘Imma bħalma mara mhux leali titlaq lir-raġel tagħha, hekk għamiltu intom, poplu t’Iżrael, aġixxejtu b’nuqqas taʼ lealtà lejja,’ jgħid Ġeħova.”
21 Fuq l-għoljiet li ma jitlaʼ xejn fuqhom instemaʼ ħoss,
Il-biki u t-talb bil-ħniena tal-poplu t’Iżrael.
Għax huma għawġu t-triq tagħhom;
Huma nsew lil Ġeħova l-Alla tagħhom.
22 “Tfal ribellużi, ejjew lura,
U jien infejjaqkom u ma tibqgħux tkunu ribellużi.”
“Hawn qegħdin! Ġejna għandek,
Għax int, Ġeħova, l-Alla tagħna.
23 Infatti, aħna qarraqna bina nfusna billi għamilna ċelebrazzjonijiet storbjużi lil allat oħrajn fuq l-għoljiet u l-muntanji.
Infatti, Ġeħova l-Alla tagħna hu dak li jsalva lil Iżrael.
24 Imma mindu konna żgħar, il-ħaġa tal-mistħija ġabet* fix-xejn ix-xogħol iebes taʼ missirijietna,
Il-merħliet tan-nagħaġ u l-baqar tagħhom,
U t-tfal subien u bniet tagħhom.
25 Ejja nimteddu fil-mistħija tagħna,
U nħallu d-diżunur tagħna jgħattina,
Għax aħna dnibna kontra Ġeħova l-Alla tagħna,
Aħna u missirijietna dnibna minn mindu konna żgħar sal-lum,
U m’obdejniex dak li qalilna Ġeħova l-Alla tagħna.”