Ġożwè
6 Issa Ġeriko kienet magħluqa sew minħabba l-Iżraelin. Ħadd ma kien joħroġ u ħadd ma kien jidħol.
2 Ġeħova mbagħad qal lil Ġożwè: “Jien tajtek f’idejk lil Ġeriko, ir-re tagħha, u l-gwerriera b’saħħithom tagħha. 3 Intom l-irġiel kollha tal-gwerra tridu timmarċjaw darba madwar il-belt. Għandkom tagħmlu hekk għal sitt ijiem. 4 Għid lil sebaʼ qassisin imorru quddiem l-Arka u jdoqqu sebat iqrun tal-imtaten. Imma fis-sebaʼ jum, għandkom timmarċjaw sebaʼ darbiet madwar il-belt u l-qassisin għandhom idoqqu l-qrun kontinwament. 5 Imma meta jindaqq il-ħoss qawwi u fit-tul tal-qrun tal-imtaten, is-suldati kollha jridu jgħajtu għajta kbira taʼ gwerra. Imbagħad is-sur tal-belt jaqaʼ, u s-suldati jridu jidħlu fil-belt, kull wieħed minn fejn ikun.”
6 Għalhekk, Ġożwè bin Nun ġabar lill-qassisin u qalilhom: “Erfgħu l-arka tal-patt, u sebaʼ qassisin għandhom iġorru sebat iqrun tal-imtaten quddiem l-Arka taʼ Ġeħova.” 7 Imbagħad qal lis-suldati: “Ibqgħu għaddejjin u mmarċjaw madwar il-belt, u l-forzi armati għandhom jgħaddu qabel l-Arka taʼ Ġeħova.” 8 U bħalma Ġożwè qal lis-suldati, is-sebaʼ qassisin li kienu qed iġorru sebat iqrun tal-imtaten quddiem Ġeħova marru quddiem u daqqew il-qrun, u l-arka tal-patt taʼ Ġeħova kienet qed tinġarr warajhom. 9 U l-forzi armati mxew qabel il-qassisin li kienu qed idoqqu l-qrun, u l-għassa li timxi wara kienet qed issegwi l-Arka hekk kif il-qrun kienu qed jindaqqu kontinwament.
10 Issa Ġożwè kien ikkmanda lis-suldati: “Tgħajtux u ssemmgħux leħinkom. M’għandkom tgħidu ebda kelma sa dakinhar li ngħidilkom, ‘Għajtu!’ Imbagħad tgħajtu.” 11 Hu ħa ħsieb li l-Arka taʼ Ġeħova tinġarr madwar il-belt. Huma ġarrewha darba madwar il-belt, u wara marru lejn il-kampijiet u qattgħu l-lejl hemm.
12 L-għada filgħodu, Ġożwè qam kmieni, u l-qassisin refgħu l-Arka taʼ Ġeħova, 13 u s-sebaʼ qassisin li kienu qed iġorru sebat iqrun tal-imtaten imxew quddiem l-Arka taʼ Ġeħova, waqt li daqqew il-qrun il-ħin kollu. Il-forzi armati mxew qabilhom u l-għassa li timxi wara segwiet l-Arka taʼ Ġeħova hekk kif il-qrun baqgħu jindaqqu kontinwament. 14 Fit-tieni jum, huma mmarċjaw darba madwar il-belt, u wara reġgħu lura lejn il-kampijiet. Għamlu hekk għal sitt ijiem.
15 Fis-sebaʼ jum, qamu kmieni malli kien qed jisbaħ u mmarċjaw madwar il-belt bl-istess mod sebaʼ darbiet. Dakinhar biss immarċjaw madwar il-belt sebaʼ darbiet. 16 U mas-sebaʼ darba, il-qassisin daqqew il-qrun, u Ġożwè qal lis-suldati: “Għajtu, għax Ġeħova takom il-belt! 17 Il-belt u kulma fiha għandhom jinqerdu. Dawn huma taʼ Ġeħova. Raħab il-prostituta biss tistaʼ tibqaʼ ħajja, hi u dawk kollha li qegħdin magħha fid-dar, għax ħbiet l-ispiji li bgħatna. 18 Imma żommu ’l bogħod minn dak li għandu jinqered, sabiex ma tixxennqux għal xi ħaġa li għandha tinqered u tiħduha, inkella ġġibu qerda u diżastru* fuq il-kampijiet t’Iżrael. 19 Imma l-fidda, id-deheb, u l-oġġetti tar-ram u tal-ħadid kollha huma qaddisin għal Ġeħova. Għandhom jiġu merfugħin fil-post fejn jinżammu l-affarijiet taʼ valur għad-dar taʼ Ġeħova.”
20 Imbagħad meta ndaqqew il-qrun, is-suldati għajtu. Malli s-suldati semgħu l-qrun u għajtu għajta kbira tal-gwerra, is-sur waqaʼ. Wara, is-suldati daħlu fil-belt, kull wieħed minn fejn kien, u ħaduha f’idejhom. 21 Kulma kien hemm fil-belt qerduh bix-xabla, irġiel u nisa, żgħażagħ u xjuħ, barrin, nagħaġ, u ħmir.
22 U liż-żewġt irġiel li kienu tkixxfu x’fiha l-art, Ġożwè qalilhom: “Morru fid-dar tal-prostituta u oħorġu lilha u lil dawk kollha li huma tagħha, bħalma ħliftulha.” 23 Għalhekk, iż-żgħażagħ li kienu spiji daħlu u ħarġu lil Raħab, lil missierha, lil ommha, lil ħutha subien, u lil dawk kollha li kienu tagħha. Iva, ħarġu l-familja tagħha kollha, u ħaduhom qawwijin u sħaħ f’post ’il barra mill-kampijiet t’Iżrael.
24 Imbagħad ħarqu l-belt u kulma kien hemm fiha. Imma l-fidda, id-deheb, u l-oġġetti tar-ram u tal-ħadid refgħuhom fil-post fejn jinżammu l-affarijiet taʼ valur għad-dar taʼ Ġeħova. 25 Kienu biss Raħab il-prostituta, in-nies taʼ dar missierha, u dawk kollha li kienu tagħha li Ġożwè ħalla ħajjin. Hi għadha tgħix f’Iżrael sal-lum, għax ħbiet l-ispiji li Ġożwè kien bagħat biex jitkixxfu x’hemm f’Ġeriko.
26 Dak iż-żmien, Ġożwè qal din il-ħalfa:* “Ir-raġel li jipprova jibni din il-belt taʼ Ġeriko jkun misħut quddiem Ġeħova. Meta jqiegħed il-pedament tagħha, hu jitlef lill-ewwel imwieled tiegħu, u meta jwaqqaf il-bibien tagħha, hu jitlef lill-iżgħar wieħed mit-tfal tiegħu.”
27 Għalhekk, Ġeħova kien maʼ Ġożwè, u hu sar magħruf mal-art kollha.