L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel
10 Samwel imbagħad ħa l-flixkun taż-żejt u ferrgħu fuq ras Sawl. Hu biesu u qallu: “Ġeħova hu li għażlek* bħala mexxej fuq il-wirt tiegħu. 2 Meta titlaq minn ħdejja llum, se ssib żewġt irġiel qrib il-qabar taʼ Rakele fit-territorju taʼ Benjamin f’Selsa, u jgħidulek, ‘Il-ħmir li mort tfittex instabu, imma issa missierek qed jinkwieta fuqkom u mhux fuq il-ħmir. Hu qed jgħid: “X’nistaʼ nagħmel biex insib lil ibni?”’ 3 Minn hemmhekk ibqaʼ sejjer sas-siġra l-kbira taʼ Tabor, u tiltaqaʼ maʼ tlett irġiel li jkunu telgħin lejn Betel biex iqimu lill-Alla l-veru: wieħed bi tliet gidjien, wieħed bi tliet ħobżiet, u l-ieħor b’ġarra kbira nbid. 4 Huma jistaqsuk kif int u jagħtuk żewġ ħobżiet, u int trid taċċettahom. 5 Wara, tmur fuq l-għolja tal-Alla l-veru fejn hemm grupp taʼ suldati Filistin. U meta tasal fil-belt, tiltaqaʼ maʼ grupp taʼ profeti neżlin mill-post għall-qima,* u qabilhom ikun hemm nies idoqqu strument tal-korda, tanburlin, flawt, u arpa waqt li jkunu qed jipprofetizzaw. 6 L-ispirtu taʼ Ġeħova jagħtik il-qawwa u tipprofetizza flimkien magħhom u tinbidel f’persuna differenti. 7 Meta dawn l-affarijiet kollha jiġru, agħmel dak kollu li tistaʼ fl-inkarigu tiegħek, għaliex l-Alla l-veru jkun miegħek. 8 Imbagħad inżel qabli Gilgal, u jien ninżel ħdejk biex noffri sagrifiċċji tal-ħruq u sagrifiċċji tal-paċi. Għandek tistenna sebat ijiem sakemm niġi jien. Imbagħad ngħidlek x’għandek tagħmel.”
9 Malli Sawl dar biex jitlaq minn ħdejn Samwel, Alla beda jbiddillu l-attitudni tiegħu. Dakinhar ġara kulma qal Samwel. 10 Għalhekk, telqu minn hemmhekk lejn l-għolja, u ltaqgħu miegħu grupp taʼ profeti. Minnufih l-ispirtu t’Alla tah il-qawwa u beda jipprofetizza f’nofshom. 11 Meta dawk kollha li kienu jafuh rawh jipprofetizza mal-profeti, huma qalu lil xulxin: “Xi ġralu bin Kis? Anki Sawl hu wieħed mill-profeti?” 12 Imbagħad raġel minn hemmhekk qal: “Imma min hu missier il-profeti l-oħra?” Għalhekk beda l-proverbju: “Anki Sawl hu wieħed mill-profeti?”
13 Meta waqaf jipprofetizza, hu mar fil-post għall-qima. 14 Iktar tard, ħu missier Sawl qal lilu u lill-qaddej tiegħu: “Fejn mortu?” Hu wieġbu: “Infittxu l-ħmir, imma ma sibnihomx, allura morna għand Samwel.” 15 Iz-ziju taʼ Sawl staqsiehom: “Jekk jogħġobkom, tistgħu tgħiduli x’qalilkom Samwel?” 16 Sawl wieġbu: “Qalilna li l-ħmir kienu diġà nstabu.” Imma ma semmilux li Samwel kien qallu li se jsir re.
17 Imbagħad Samwel ġabar lill-Iżraelin flimkien quddiem Ġeħova f’Mispa 18 u qalilhom: “Hekk jgħid Ġeħova l-Alla t’Iżrael: ‘Kont jien li ħriġt lil Iżrael mill-Eġittu u li ħlistkom minn idejn l-Eġizzjani u s-saltniet kollha li kienu qed jaħqrukom. 19 Imma llum intom ċħadtu lill-Alla tagħkom, Dak li Salvakom mill-ħażen u d-dwejjaq kollu tagħkom, u għedtu: “Le, agħtina re.” Issa oqogħdu quddiem Ġeħova bit-tribujiet u l-eluf tagħkom.’”
20 Għalhekk, Samwel ġabar it-tribujiet kollha t’Iżrael, u ntgħażel it-tribù taʼ Benjamin. 21 Imbagħad ressaq qrib it-tribù taʼ Benjamin skont il-familji tiegħu, u ntgħażlet il-familja tal-Matrin. Fl-aħħar intgħażel Sawl bin Kis. Imma meta marru jfittxuh, ma sabuh imkien. 22 Għalhekk staqsew lil Ġeħova: “Diġà wasal hawnhekk ir-raġel?” Ġeħova wieġeb: “Hemm qiegħed moħbi qalb il-provvisti.” 23 Għalhekk, telqu jiġru u ġabuh minn hemm. Meta qagħad bilwieqfa f’nofs in-nies kollha, hu kien itwal minnhom minn spallejh ’il fuq. 24 Samwel qal lin-nies kollha: “Qed tarawh lil dak li ntgħażel minn Ġeħova, li m’hemm ħadd bħalu fost in-nies kollha?” U n-nies kollha bdew jgħajtu: “Ħa jkun imbierek ir-re!”
25 Samwel kellem lin-nies dwar dak li r-rejiet għandhom dritt jitolbu minnhom u kitbu fi ktieb u poġġieh quddiem Ġeħova. Imbagħad Samwel bagħat lin-nies kollha lejn darhom. 26 Sawl ukoll mar lejn daru f’Gibegħa, u miegħu marru l-gwerriera li Ġeħova kien qanqlilhom qalbhom. 27 Imma xi rġiel ħżiena qalu: “Kif se jsalvana dan?” Għalhekk maqdruh, u ma ħadulu ebda rigal. Imma hu ma qal xejn dwar dan.*