L-Ewwel Kronaki
21 Imbagħad Satana* ddeċieda li jattakka lil Iżrael u xewwex lil David biex jgħodd lill-Iżraelin. 2 Għalhekk, David qal lil Ġowab u lill-kapijiet tal-poplu: “Morru, għoddu lill-Iżraelin minn Bir-xeba sa Dan, imbagħad ejjew għiduli kemm huma.” 3 Imma Ġowab qallu: “Jalla Ġeħova jagħmel il-poplu 100 darba iktar milli hu! Sidi r-re, mhux diġà huma qaddejja tiegħek kollha? Għala tixtieq tagħmel dan? Għala għandek iġġiegħel lil Iżrael jidneb?”
4 Imma r-re baqaʼ jinsisti, għalhekk Ġowab telaq u dar Iżrael kollu, u mbagħad wasal Ġerusalemm. 5 Ġowab ta lil David l-ammont taʼ nies irreġistrati. Iżrael kienu 1,100,000 raġel armat bix-xabla, u Ġuda kienu 470,000 raġel armat bix-xabla. 6 Imma t-tribujiet taʼ Levi u Benjamin ma ġewx irreġistrati magħhom, għaliex dak li qal ir-re m’għoġbu xejn lil Ġowab.
7 Issa l-Alla l-veru xejn ma ħa pjaċir b’dan, u għalhekk ikkastiga lil Iżrael. 8 Imbagħad David qal lill-Alla l-veru: “Jien dnibt bil-kbir b’dak li għamilt. Jekk jogħġbok aħfer l-iżball tiegħi, il-qaddej tiegħek, għax jien aġixxejt t’iblah.” 9 Imbagħad Ġeħova kellem lil Gad, il-viżjonarju taʼ David, u qallu: 10 “Mur u għid lil David, ‘Hekk jgħid Ġeħova: “Agħżel waħda minn dawn it-tliet affarijiet li tridni nagħmillek.”’” 11 Għalhekk, Gad mar għand David u qallu: “Hekk jgħid Ġeħova, ‘Agħżel 12 bejn tliet snin taʼ ġuħ, bejn li tiġi megħlub għal tliet xhur mill-għedewwa tiegħek u tilħqek ix-xabla tagħhom, u bejn tlett ijiem taʼ kastig bix-xabla taʼ Ġeħova, li matulhom ikun hemm il-pesta u l-anġlu taʼ Ġeħova jġib ħerba fit-territorju kollu t’Iżrael.’ Issa kkunsidra x’għandi nwieġeb lil Dak li bagħatni.” 13 Għalhekk, David qal lil Gad: “Dan diffiċli ħafna għalija. Jekk jogħġbok, tħallinix niġi kkastigat min-nies. Ħa jikkastigani Ġeħova, għax hu ħanin ħafna.”
14 Imbagħad Ġeħova bagħat pesta f’Iżrael, u b’hekk mietu 70,000. 15 Barra minn hekk, l-Alla l-veru bagħat anġlu Ġerusalemm biex jeqridha, imma kif Ġeħova rah se jagħmel hekk, iddispjaċieh* minħabba l-gwaj. B’hekk hu qal lill-anġlu li kien qed iġib qerda fost il-poplu: “Biżżejjed! Issa niżżel idek.” L-anġlu taʼ Ġeħova kien qiegħed qrib il-post t’Ornan il-Ġebusi, fejn jiġu sseparati ċ-ċereali.*
16 David ra l-anġlu taʼ Ġeħova wieqaf bejn l-art u s-sema bix-xabla f’idu lejn Ġerusalemm. Minnufih David u l-anzjani,* lebsin ħwejjeġ tal-ixkora, inxteħtu wiċċhom fl-art. 17 David qal lill-Alla l-veru: “Kont jien li għedt biex jgħoddu l-poplu. U kont jien li dnibt u żbaljajt. Imma dawn in-nagħaġ x’għamlu? Jekk jogħġbok Ġeħova Alla tiegħi, ikkastiga lili u lil dar missieri biss, imma tikkastigax lill-poplu tiegħek.”
18 Imbagħad, l-anġlu taʼ Ġeħova qal lil Gad biex jgħid lil David ħalli jitlaʼ u jagħmel artal lil Ġeħova fuq il-post t’Ornan il-Ġebusi, fejn jiġu sseparati ċ-ċereali. 19 Għalhekk, David telaʼ bħalma qallu Ġeħova permezz taʼ Gad. 20 Ornan kien qed jidres il-qamħ meta dar u ra l-anġlu. U l-erbat itfal tiegħu nħbew. 21 Meta David wasal ħdejh, Ornan rah u minnufih ħareġ mill-post fejn jiġu sseparati ċ-ċereali u miel wiċċu sal-art quddiemu. 22 David qal lil Ornan: “Begħli* l-post fejn jiġu sseparati ċ-ċereali biex nibni fih artal lil Ġeħova. Agħtihuli b’kemm jiswa, sabiex il-kastig jieqaf minn fuq il-poplu.” 23 Imma Ornan qal lil David: “Sidi, ħudu daqslikieku tiegħek u agħmel dak li jidher li hu tajjeb f’għajnejk. Hawn għandek il-baqar għall-offerta tal-ħruq, is-slitta tad-dris għall-injam, u l-qamħ bħala offerta taċ-ċereali.* Kollox nagħtik.”
24 Madankollu, ir-Re David qal lil Ornan: “Le, jien irrid nixtrih b’kemm jiswa, għaliex m’iniex se nieħu dak li hu tiegħek u nagħtih lil Ġeħova jew noffri sagrifiċċji tal-ħruq mingħajr ma nħallas xejn.” 25 Għalhekk, David ta lil Ornan 600 xekel* deheb għall-post. 26 U David bena artal lil Ġeħova hemm, offra sagrifiċċji tal-ħruq u sagrifiċċji tal-paċi, u għajjat lil Ġeħova. Hu wieġbu billi bagħat nar mis-sema biex jaħraq l-offerti taʼ fuq l-artal. 27 Imbagħad Ġeħova kkmanda lill-anġlu biex idaħħal ix-xabla tiegħu postha. 28 Meta David ra li Ġeħova kien wieġbu fil-post t’Ornan il-Ġebusi, fejn jiġu sseparati ċ-ċereali, baqaʼ joffri s-sagrifiċċji hemmhekk. 29 Madankollu, dak iż-żmien, it-tabernaklu taʼ Ġeħova li Mosè kien għamel fid-deżert u l-artal tal-offerta tal-ħruq kienu fil-post għall-qima f’Gibegħon. 30 Imma David ma marx hemm biex jistaqsi għall-parir t’Alla, għax kien imwerwer minħabba x-xabla tal-anġlu taʼ Ġeħova.