Ġeremija
9 Kemm nixtieq li rasi kienet bir ilma
U għajnejja funtana!
Kieku kont nibki lejl u nhar
Għan-nies tal-poplu tiegħi li nqatlu.
2 Kemm nixtieq li kont naf b’post fejn nistaʼ noqgħod fid-deżert!
3 Huma lesti li jigdbu, bħal meta wieħed jgħawweġ qaws u jkun lest jispara.
Il-pajjiż mimli b’nies giddieba u mhux leali.
“Huma qed jiggravaw fil-ħażen tagħhom
U mhux jagħtu kasi,” jgħid Ġeħova.
4 “Ħa joqgħod attent kull wieħed mill-ġar tiegħu,
U lanqas lil ħuh m’għandu jafda.
Għax kull ħu jittradixxi,
U kull ġar jimmalafama.
5 Kull wieħed iqarraq bil-ġar tiegħu,
U ħadd ma jgħid il-verità.
Huma tgħallmu jigdbu.
Għejjew lilhom infushom jagħmlu l-ħażen.
6 Int imdawwar b’nies li jqarrqu.
Huma jigdbu u jirrifjutaw li jsiru jafuni,” jgħid Ġeħova.
7 Allura, Ġeħova tal-armati jgħid hekk:
8 Huma jitkellmu b’mod qarrieq, bħal vleġeġ li joqtlu.
Kull wieħed jibqaʼ jitkellem mal-ġar tiegħu bil-paċi,
Imma f’qalbu jipprepara nassa.”
9 “M’għandix jien nitlob kont minnhom taʼ dawn l-affarijiet?” jgħid Ġeħova.
“M’għandix jien nivvendika ruħi minn poplu bħal dan?
10 Jien se nibki fuq li nibki minħabba l-muntanji,
U nkanta għanja taʼ swied il-qalb minħabba l-postijiet fid-deżert fejn jirgħaw l-annimali,
Għax inħarqu biex ħadd ma jgħaddi minn hemm
U n-nies ma jisimgħux il-ħoss tal-imrieħel.
L-għasafar u l-annimali ħarbu, dawn telqu ’l hemm.
11 Lil Ġerusalemm se nagħmilha borġ ġebel, post fejn jgħixu l-klieb slavaġ,
U lill-bliet taʼ Ġuda se nabbandunahom, mhux se jkun hemm iktar nies jgħixu fihom.
12 Min hu għaref biżżejjed biex jifhem dan?
Jien, Ġeħova, lil min għedt dwar dan biex jgħidu lil ħaddieħor?
Għala nqerdet l-art?
Għala nħarqet u ġiet bħal deżert,
Biex ħadd ma jgħaddi minn hemm?”
13 Ġeħova wieġeb: “Għax huma warrbu l-liġi* li tajthom, m’obdewhiex, u ma semgħux minni. 14 Minflok, b’ras iebsa għamlu dak li tixtieq qalbhom stess u qiemu l-idoli taʼ Bagħal, bħalma għallmuhom jagħmlu missirijiethom. 15 Allura jien, Ġeħova tal-armati, l-Alla t’Iżrael, ngħid hekk, ‘Se nġiegħel lil dawn in-nies jieklu pjanta morra u jixorbu ilma vvelenat. 16 Ħa nferrixhom fost popli li huma u missirijiethom qatt ma semgħu bihom. Se nibgħat l-għedewwa tagħhom bix-xabla għal warajhom sakemm neqridhom.’
17 Hekk jgħid Ġeħova tal-armati,
‘Aħsbu dwar dak li qed jiġri.
Iġbru n-nisa li jkantaw l-għanjiet taʼ swied il-qalb,
U ibagħtu għall-bikkejja tas-sengħa biex jiġu,
18 Ħalli jħaffu u jibku għalina,
Ħalli għajnejna jimtlew bid-dmugħ
U l-kpiepel t’għajnejna jqattru l-ilma.
19 Għax il-biki tan-nies instemaʼ minn Sijon:
“Kif qerduna!
Kemm ġejna umiljati!
Għax aħna ġejna mġegħlin nitilqu mill-pajjiż, u huma waqqgħulna d-djar tagħna.”
20 Intom nisa, isimgħu dak li jgħid Ġeħova
U aċċettawh.
Għallmu lill-bniet tagħkom din l-għanja tal-biki,
U għallmu lil xulxin din l-għanja taʼ swied il-qalb.
21 Għax il-mewt daħlet mit-twieqi tagħna;
Daħlet fit-torrijiet iffortifikati tagħna
Biex tieħu lit-tfal mit-toroq
U l-ġuvintur mill-pjazez.’
22 Għid, ‘Hekk jgħid Ġeħova:
“Il-ġisem mejjet tan-nies se jkun mitluq mal-art bħad-demel,
Bħal ringiela qamħ li jkun għadu kif inqataʼ
U ma jkun hemm ħadd li jiġbru.”’”
23 Hekk jgħid Ġeħova:
“Ħa ma jiftaħarx dak li hu għaref bl-għerf tiegħu,
Ħa ma jiftaħarx dak li hu b’saħħtu bis-saħħa tiegħu,
U ħa ma jiftaħarx is-sinjur bil-ġid tiegħu.”
24 “Imma min jiftaħar ħa jiftaħar b’dan:
Li jifhem u jaf li jien Ġeħova,
Il-Wieħed li nuri mħabba u lealtà,* ġustizzja, u sewwa fuq l-art;
Għax b’dawn l-affarijiet nieħu pjaċir,” jgħid Ġeħova.
25 Ġeħova jgħid, “Ġej żmien, meta nitlob kont minn kull min hu ċirkonċiż imma m’għandux qalb nadifa, 26 mill-Eġittu, Ġuda, l-Edomin, l-Għammonin, il-Mowabin, u dawk kollha li jqaxxru l-barbetti* u li joqogħdu fid-deżert; għax il-popli kollha mhumiex ċirkonċiżi, u l-poplu kollu t’Iżrael m’għandux qalb nadifa.”*