It-Tieni Kronaki
33 Manasse kellu 12-il sena meta sar re, u mexxa 55 sena f’Ġerusalemm.
2 Hu għamel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova billi għamel il-prattiki moqżieża tal-popli li Ġeħova kien keċċa minn quddiem l-Iżraelin. 3 Hu reġaʼ bena l-postijiet għall-qima li kien kisser missieru Ħeżekija, għamel artali lill-Bagħalim, għamel arbli sagri,* u miel quddiem l-istilel u qdiehom. 4 Ukoll, hu bena artali fid-dar taʼ Ġeħova, li dwarha Ġeħova kien qal: “Ismi se jkun f’Ġerusalemm għal dejjem.” 5 U bena artali għall-armata kollha tas-sema f’żewġ btieħi tad-dar taʼ Ġeħova. 6 Hu ħaraq lit-tfal tiegħu stess fin-nar* fil-Wied taʼ Bin Ħinnom, ipprattika l-maġija, ipprattika t-teħbir, u inkariga medji tal-ispirti u nies li jbassru l-futur. Għamel kemm felaħ dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova biex joffendih.
7 Hu qiegħed l-istatwa skolpita li kien għamel fid-dar tal-Alla l-veru, li dwarha Alla kien qal lil David u lil ibnu Salamun: “Se nqiegħed ismi għal dejjem f’din id-dar u f’Ġerusalemm, li jien għażilt mit-tribujiet kollha t’Iżrael. 8 Jien qatt ma nerġaʼ nġiegħel lill-Iżraelin joħorġu mill-art li tajt lil missirijiethom, dment li joqogħdu attenti li jobdu kulma kkmandajthom fil-Liġi, jiġifieri r-regoli u d-deċiżjonijiet ġudizzjali li ngħataw permezz taʼ Mosè.” 9 Manasse baqaʼ jiżvija lin-nies taʼ Ġuda u Ġerusalemm, u b’hekk għamlu agħar mill-popli li Ġeħova kien qered għalkollox minn quddiemhom.
10 Ġeħova baqaʼ jkellem lil Manasse u lill-poplu tiegħu, imma ma tawx kas. 11 Għalhekk, Ġeħova bagħat kontrihom il-kapijiet tal-armata tar-re tal-Assirja, u qabdu lil Manasse bil-ganċijiet,* rabtuh b’żewġ ktajjen tar-ram, u ħaduh Babilonja. 12 Meta kien imdejjaq, hu talab bil-ħniena lil Ġeħova l-Alla tiegħu għall-għajnuna u baqaʼ jumilja ruħu ħafna quddiem l-Alla taʼ missirijietu. 13 Hu baqaʼ jitolbu, u Alla tqanqal minn dan it-talb u semgħu. Hu ħadu lura Ġerusalemm lejn saltnatu. Imbagħad Manasse sar jaf li Ġeħova hu l-Alla l-veru.
14 Wara dan bena sur għoli ħafna għall-Belt taʼ David fuq in-naħa taʼ barra lejn il-Punent taʼ Giħon li hi fil-wied. Hu bnieh sa Bieb il-Ħut u minn hemm is-sur kien idur mal-belt u jasal sa Għofel. Barra minn hekk, inkariga kapijiet tal-armata fil-bliet iffortifikati kollha f’Ġuda. 15 Imbagħad neħħa l-allat barranin, l-istatwa tal-idolu mid-dar taʼ Ġeħova, u l-artali kollha li kien bena fuq il-muntanja tad-dar taʼ Ġeħova u f’Ġerusalemm, u ġegħelhom jarmuhom barra l-belt. 16 Ukoll, ipprepara l-artal taʼ Ġeħova u beda joffri fuqu sagrifiċċji tal-paċi u sagrifiċċji taʼ ringrazzjament. Hu qal lil Ġuda biex jaqdi lil Ġeħova l-Alla t’Iżrael. 17 Minkejja dan, għalkemm in-nies kienu qed joffru sagrifiċċji biss lil Ġeħova l-Alla tagħhom, kienu qed jagħmlu dan fil-postijiet li kienu jintużaw għall-qima falza.
18 Il-bqija tal-istorja taʼ Manasse, it-talba li għamel lill-Alla tiegħu, u dak li qalulu l-profeti* f’isem Ġeħova l-Alla t’Iżrael qegħdin fl-istorja tar-rejiet t’Iżrael. 19 Fil-kliem tal-irġiel tiegħu li jaraw il-viżjonijiet hemm miktub ukoll it-talba bil-ħniena tiegħu u l-mod kif twieġbet, id-dnubiet kollha u n-nuqqas taʼ lealtà tiegħu, fejn bena l-postijiet għall-qima, u fejn poġġa l-arbli sagri* u l-istatwi minquxin qabel m’umilja ruħu. 20 Imbagħad Manasse miet u difnuh viċin daru. Ibnu Amon sar re minfloku.
21 Amon kellu 22 sena meta sar re, u dam imexxi sentejn f’Ġerusalemm. 22 Hu kompla jagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, bħalma kien għamel missieru Manasse. Amon offra s-sagrifiċċji lill-istatwi minquxin kollha li kien għamel missieru u kompla jaqdihom. 23 Imma hu m’umiljax ruħu quddiem Ġeħova bħalma kien umilja ruħu missieru Manasse. Minflok, kompla jagħmel iktar dnubiet. 24 Fl-aħħar, il-qaddejja tiegħu kkonfoffaw kontrih u qatluh f’daru stess. 25 Imma n-nies tal-pajjiż qatlu lil dawk kollha li kienu kkonfoffaw kontra r-Re Amon u għamlu lil ibnu Ġosija re minfloku.