It-Tieni Ittra lill-Korintin
13 Din hi t-tielet darba li beħsiebni niġi għandkom. “Kull kwistjoni għandha tiġi stabbilita skont ix-xhieda taʼ żewġ persuni jew tlieta.” 2 Għalkemm bħalissa qiegħed ’il bogħod, hu bħallikieku qiegħed it-tieni darba magħkom. Qed navża minn qabel lil dawk li dinbu u lill-oħrajn kollha, li jekk nerġaʼ niġi se niddixxiplina lil kull wieħed, 3 għax intom qed tfittxu prova li Kristu veru jitkellem permezz tiegħi. Hu m’aġixxiex b’mod dgħajjef, minflok juri s-saħħa li għandu fostkom. 4 Għax infatti, hu ġie maqtul fuq iz-zokk bħala bniedem dgħajjef, imma hu ħaj permezz tas-saħħa t’Alla. Veru li aħna wkoll dgħajfin bħalma kien hu, imma se ngħixu miegħu għax is-saħħa t’Alla qed taġixxi fil-ħajja tagħkom.
5 Komplu eżaminaw jekk intomx qed tgħixu fi qbil mal-fidi tagħkom f’Alla. Komplu agħtu prova taʼ dak li intom. Jew m’intomx tifhmu li Ġesù Kristu hu magħkom? Madankollu, jekk Kristu ma jkunx magħkom, dan ifisser li ma tkunux approvati. 6 Aħna għandna l-approvazzjoni t’Alla. Jien vera nixtieq li intom tifhmu dan.
7 Aħna nitolbu lil Alla li intom ma tagħmlu xejn ħażin. Aħna ma nagħmlux hekk biex oħrajn jikkunsidrawna approvati minn Alla, imma biex intom tagħmlu dak li hu tajjeb, anki jekk l-oħrajn jaħsbu li m’għandniex l-approvazzjoni tiegħu. 8 Ma nistgħu nagħmlu xejn kontra l-verità, imma nistgħu biss nappoġġawha. 9 Aħna nifirħu meta intom tkunu b’saħħitkom spiritwalment, għax ma jkollniex bżonn inkunu b’saħħitna biex nikkoreġukom. Hu għal dan li qed nitolbu, li intom tagħmlu l-bidliet li hemm bżonn. 10 Qed niktbilkom dawn l-affarijiet qabel niġi, ħalli meta nkun magħkom ma jkollix għalfejn nuża l-awtorità li tani l-Mulej b’mod aħrax, imma nużaha biex ninkuraġġikom u mhux biex niskuraġġikom.
11 Fl-aħħar nett ħuti, inħeġġiġkom biex tkomplu tifirħu, tagħmlu l-bidliet li hemm bżonn, taċċettaw l-inkuraġġiment, tkunu fehma waħda, u tgħixu fil-paċi. U l-Alla li jħobb u jagħti l-paċi jkun magħkom. 12 Ilqgħu lil xulxin bi mħabba.* 13 Il-qaddisin kollha jsellu għalikom.
14 Jalla lkoll kemm intom tirċievu l-qalb tajba kbira tal-Mulej Ġesù Kristu, l-imħabba t’Alla, u l-barkiet tal-ispirtu qaddis.