Lir-Rumani
2 Għalhekk, int min int, m’għandekx skuża biex tiġġudika lil oħrajn għall-istess affarijiet li tagħmel int. Meta tiġġudikahom, tkun qed tikkundanna lilek innifsek. 2 Aħna nafu li meta Alla jiġġudika lil min jagħmel dawn l-affarijiet, il-ġudizzju tiegħu hu ġust.*
3 Taħseb li se tevita l-ġudizzju t’Alla meta tiġġudika lin-nies li jagħmlu l-istess affarijiet li tagħmel int? 4 Ma tafx li Alla qed jurik tant qalb tajba, jittollerak ħafna, u jieħu paċenzja kbira bik? M’intix tinduna li Alla b’qalb tajba qed jipprova jgħinek tindem? 5 Imma jekk twebbes rasek u ma tkunx trid tindem, Alla żgur li se jikkastigak meta juri r-rabja tiegħu dakinhar li jagħmel ġudizzju ġust. 6 Hu se jagħti lil kull wieħed skont dak li jagħmel. 7 Hu se jagħti ħajja taʼ dejjem lil dawk li jibqgħu* jagħmlu t-tajjeb. Nies bħal dawn qed ifittxu l-glorja, l-unur, u l-ħajja li tibqaʼ għal dejjem. 8 Mill-banda l-oħra, Alla se juri r-rabja u l-korla tiegħu kontra dawk li jħobbu jargumentaw* u li ma jobdux il-verità li ġejja mingħandu. 9 Kull bniedem,* sew jekk Lhudi u sew jekk Grieg,* li jweġġaʼ lil oħrajn se jbati. 10 Imma kull min jagħmel dak li hu tajjeb se jkollu glorja, unur, u paċi, l-ewwel għal-Lhud u mbagħad għall-Griegi, 11 għax Alla ma jurix preferenzi.
12 Dawk kollha li dinbu mingħajr ma kienu jafu l-Liġi taʼ Mosè se jmutu, avolja ma kinux jafu l-Liġi. Imma dawk kollha li dinbu u kienu jafu l-Liġi se jiġu ġġudikati skont dik il-Liġi. 13 Alla ma jqisx lin-nies ġusti sempliċement għax jisimgħu l-Liġi. Dawk biss li jobdu l-Liġi se jiġu kkunsidrati ġusti. 14 Għax dawk li mhumiex Lhud* m’għandhomx il-Liġi. Imma meta jagħmlu dak li hemm fil-Liġi, huma juru li hemm liġi f’qalbhom. 15 Huma juru li dak li tgħallem il-Liġi hu miktub f’qalbhom, u l-kuxjenza tagħhom taqbel maʼ dan. Il-ħsibijiet tagħhom stess jakkużawhom jew jiskużawhom. 16 Hekk se jkun dakinhar meta Alla permezz taʼ Kristu Ġesù se jiġġudika l-ħsibijiet u l-affarijiet li n-nies jagħmlu bil-moħbi. Dan se jiġri skont l-aħbar tajba li nxandar.
17 Xi wħud minnkom tgħidu li intom Lhud, u intom tafdaw fil-liġi u tiftaħru bil-ħbiberija tagħkom m’Alla. 18 Intom tafu xi jrid Alla u taċċettaw l-affarijiet li huma ġusti għax ġejtu mgħallmin mil-Liġi. 19 Intom konvinti li tistgħu tiggwidaw lil dawk li ma jarawx u tagħtu d-dawl lil dawk li qegħdin fid-dlam. 20 Intom taħsbu li tistgħu tikkoreġu lill-boloh u tgħallmu lit-tfal żgħar għax għandkom fehma u għarfien bażiku tal-verità li hemm fil-Liġi. 21 Intom tgħallmu lil oħrajn, imma ma tgħallmux lilkom infuskom. Intom tippritkaw lil oħrajn biex ma jisirqux, imma intom tisirqu. 22 Intom qed tagħmlu adulterju waqt li tippritkaw lil oħrajn biex ma jagħmlux adulterju. Intom tgħidu li tobogħdu l-idoli, imma tisirqu t-tempji. 23 Intom kburin li tafu l-liġi t’Alla, imma tiddiżonoraw lil Alla billi tiksruha. 24 Bħalma tgħid l-Iskrittura: “Minħabba fikom, il-barranin* qed jitkellmu kontra isem* Alla.”
25 Iċ-ċirkonċiżjoni hi taʼ benefiċċju biss jekk tagħmel dak li tgħid il-Liġi. Jekk ma tobdix il-Liġi, ikun bħallikieku m’intix ċirkonċiż. 26 Imma jekk xi ħadd mhux ċirkonċiż jagħmel l-affarijiet ġusti li titlob il-Liġi, Alla jqisu ċirkonċiż. 27 Int ġejt mgħallem dwar iċ-ċirkonċiżjoni u l-Liġi bil-miktub, imma ma tobdihiex. Għalhekk, meta xi ħadd li mhux ċirkonċiż jobdi l-Liġi, ikun qed jikkundannak. 28 Id-dehra minn barra ma tagħmlekx Lhudi vera. Iċ-ċirkonċiżjoni vera tinvolvi iktar minn dak li jsir fuq il-ġisem. 29 Li tkun Lhudi vera jinvolvi kif int minn ġewwa, u ċ-ċirkonċiżjoni vera hi fil-qalb. Din tiġi permezz tal-ispirtu qaddis, u mhux billi tagħmel dak li tgħid il-Liġi taʼ Mosè. Xi ħadd bħal dan jiġi mfaħħar minn Alla u mhux min-nies.