Imħallfin
13 L-Iżraelin reġgħu għamlu dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova, u Ġeħova tahom f’idejn il-Filistin għal 40 sena.
2 Sadanittant, kien hemm raġel minn Sorgħa mill-familja tad-Danin li kien jismu Manogħa. Martu ma kellhiex tfal għax ma setax ikollha. 3 Maż-żmien, l-anġlu taʼ Ġeħova deher lill-mara u qalilha: “Għalkemm m’għandekx tfal għax ma jistax ikollok, int se toħroġ tqila u twelled iben. 4 Oqgħod attenta biex ma tixrobx inbid jew xorb alkoħoliku ieħor, u tiekol xejn mhux nadif. 5 Int żgur li se toħroġ tqila u twelled iben. Xagħru qatt m’għandu jinqataʼ, għax it-tifel ikun Nażirit t’Alla minn meta jitwieled,* u hu se jieħu t-tmexxija f’li jsalva lil Iżrael minn id il-Filistin.”
6 Imbagħad il-mara marret tgħid lil żewġha: “Ġie ħdejja raġel tal-Alla l-veru, u d-dehra tiegħu kienet bħal dik tal-anġlu tal-Alla l-veru, dehra tal-għaġeb. Jien ma staqsejtux minn fejn kien, u hu ma qallix x’jismu. 7 Imma qalli, ‘Int żgur se toħroġ tqila u twelled iben. Tixrobx inbid jew xorb alkoħoliku, u tiekol xejn mhux nadif, għax it-tifel ikun Nażirit t’Alla minn meta jitwieled* sa meta jmut.’”
8 Manogħa talab bil-ħniena lil Ġeħova u qallu: “Skużani Ġeħova. Jekk jogħġbok, ħalli lill-qaddej tiegħek li għadek kif bgħatt jerġaʼ jiġi u jgħidilna kif għandna nrabbu t-tifel li se jitwieled.” 9 Allura l-Alla l-veru semaʼ minn Manogħa, u l-anġlu tal-Alla l-veru reġaʼ mar ħdejn il-mara waqt li kienet bilqiegħda fl-għalqa. U żewġha Manogħa ma kienx magħha. 10 Il-mara telqet tiġri tgħid lil żewġha: “Deherli r-raġel li ġie ħdejja dakinhar.”
11 Imbagħad Manogħa qam u mar maʼ martu. Hu wasal ħdejh u qallu: “Int ir-raġel li kellimt lil marti?” Hu qal: “Jien hu.” 12 Imbagħad Manogħa qal: “Jalla jiġri dak li għedt! Kif se tkun il-ħajja tat-tifel, u x’se jkun xogħlu?” 13 Għalhekk, l-anġlu taʼ Ġeħova qal lil Manogħa: “Il-mara għandha toqgħod lura minn kull ħaġa li semmejtilha. 14 M’għandha tiekol xejn li jiġi mid-dielja, m’għandhiex tixrob inbid jew xorb alkoħoliku, u m’għandha tiekol xejn li mhux nadif. Ħa tobdi kulma kkmandajtha.”
15 Manogħa issa qal lill-anġlu taʼ Ġeħova: “Jekk jogħġbok, ibqaʼ hawn ħa nsajrulek gidi.” 16 Imma l-anġlu taʼ Ġeħova qal lil Manogħa: “Anki jekk nibqaʼ, mhux se niekol l-ikel tiegħek. Imma jekk tixtieq tagħti offerta tal-ħruq lil Ġeħova, tistaʼ toffriha.” Manogħa ma kienx jaf li dan kien l-anġlu taʼ Ġeħova. 17 Imbagħad Manogħa qal lill-anġlu taʼ Ġeħova: “X’jismek, sabiex nagħtuk unur meta sseħħ kelmtek?” 18 Madankollu, l-anġlu taʼ Ġeħova qallu: “Tistaqsinix x’jisimni, għax dan hu tal-għaġeb.”
19 Imbagħad Manogħa ħa l-gidi u l-offerta taċ-ċereali* u offriehom fuq il-blata lil Ġeħova. U Hu* kien qed jagħmel xi ħaġa tal-għaġeb waqt li Manogħa u martu kienu qed iħarsu. 20 Hekk kif il-fjamma telgħet mill-artal lejn is-sema, l-anġlu taʼ Ġeħova telaʼ fil-fjamma waqt li Manogħa u martu kienu qed iħarsu. Fil-pront inxteħtu wiċċhom fl-art. 21 L-anġlu taʼ Ġeħova ma reġax deher lil Manogħa u lil martu. Imbagħad Manogħa nduna li dan kien l-anġlu taʼ Ġeħova, 22 u qal lil martu: “Aħna żgur se mmutu, għax rajna lil Alla.” 23 Imma martu qaltlu: “Kieku Ġeħova ried joqtolna, ma kienx jaċċetta offerta tal-ħruq u offerta taċ-ċereali minn idejna, ma kienx jurina dawn l-affarijiet kollha, u ma kien jgħidilna xejn minn dawn l-affarijiet.”
24 Wara xi żmien, il-mara welldet iben u semmietu Sansun; u hekk kif it-tifel kiber, Ġeħova baqaʼ jbierku. 25 Maż-żmien, l-ispirtu taʼ Ġeħova beda jaħdem fuqu f’Maħane-dan, bejn Sorgħa u Estagħol.