Lir-Rumani
4 X’nistgħu ngħidu dwar l-antenat tagħna Abraham? 2 Li kieku Abraham kien ikkunsidrat ġust minħabba dak li għamel, kien ikollu għal xiex jiftaħar, imma mhux m’Alla. 3 L-iskrittura tgħid: “Abraham fada f’Ġeħova,* u ġie kkunsidrat ġust.” 4 Meta raġel jaħdem, il-paga tiegħu ma titqiesx bħala rigal* imma bħala xi ħaġa li għandu dritt għaliha.* 5 Imma meta raġel juri fidi f’Alla u ma jistrieħx fuq dak li jagħmel, Alla jikkunsidrah ġust minħabba l-fidi tiegħu. Hu Alla li jistaʼ jikkunsidra lil xi ħadd midneb* bħala ġust. 6 Dan kien il-punt taʼ David meta tkellem dwar il-ferħ tal-bniedem li Alla jikkunsidrah ġust avolja ma jkunx ħadem għal dan. Hu qal: 7 “Ferħanin huma dawk li l-iżbalji tagħhom inħafrulhom u li dnubiethom intesew.* 8 Ferħan hu dak li Ġeħova* ma jitlobx kont tad-dnub tiegħu.”
9 Allura taħsbu li dan il-ferħ igawduh biss in-nies ċirkonċiżi jew anki dawk li mhumiex? Għax aħna għedna: “Abraham ġie kkunsidrat ġust minħabba l-fidi.” 10 Meta kien ikkunsidrat ġust? Meta kien ċirkonċiż jew meta ma kienx? Hu kien ikkunsidrat ġust meta ma kienx ċirkonċiż. 11 Iktar tard Alla qallu biex jiġi ċirkonċiż. Din kienet garanzija* li kien ikkunsidrat ġust minħabba l-fidi li kellu meta ma kienx ċirkonċiż. B’hekk sar il-missier taʼ dawk kollha li jkollhom il-fidi waqt li ma jkunux ċirkonċiżi, ħalli jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati ġusti. 12 Hu sar missier ukoll taʼ dawk li huma ċirkonċiżi. Imma mhux taʼ dawn biss, iżda anki taʼ dawk li jimitaw il-fidi li kellu hu, missierna Abraham, meta ma kienx ċirkonċiż.
13 Abraham u d-dixxendenti tiegħu* ma ngħatawx il-wegħda li se jirtu d-dinja għax obdew xi liġi, imma permezz tal-fidi t’Abraham li kienet ikkunsidrata ġusta. 14 Li kieku n-nies jirċievu l-wegħdi għax jobdu l-Liġi, il-fidi ma tkun tiswa xejn u l-wegħda li saret lil Abraham ma tkun tfisser xejn. 15 Fir-realtà, xi ħadd li jikser il-Liġi jiġi kkastigat,* imma ma jistax jiksirha jekk m’hemmx liġi.
16 Huwa għalhekk li nirċievu l-wegħdi permezz tal-fidi, għax hi rigal b’xejn* mingħand Alla. Id-dixxendenti t’Abraham* kollha jistgħu jirċievu l-wegħda, kemm dawk li jobdu l-Liġi u kemm dawk li għandhom fidi bħal taʼ missierna Abraham. 17 (Dan hu bħalma tgħid l-Iskrittura: “Jien għamiltek missier taʼ ħafna popli.”) Abraham wera din il-fidi quddiem Alla, li jagħti l-ħajja lill-mejtin u jitkellem dwar affarijiet li għadhom ma jeżistux bħallikieku diġà jeżistu. 18 Abraham kien kiber wisq biex ikollu t-tfal. Madankollu kellu fidi bbażata fuq it-tama li jsir missier taʼ ħafna popli bħalma kien qal Alla: “Hekk għad ikunu d-dixxendenti tiegħek.”* 19 Għalkemm il-fidi tiegħu baqgħet b’saħħitha, hu kien iqis lilu nnifsu mejjet (peress li kellu kważi 100 sena). Hu kien jaf ukoll li Sara kienet xiħa wisq biex ikollha t-tfal. 20 Imma minħabba l-wegħda t’Alla, hu qatt ma ddubita jew iddgħajfitlu l-fidi. Minflok, il-fidi tiegħu saħħitu u ta glorja lil Alla. 21 Hu kien konvint għalkollox li Alla kien se jagħmel dak li wiegħed. 22 B’hekk, minħabba l-fidi li kellu, “hu ġie kkunsidrat ġust.”
23 Madankollu, il-kliem “hu ġie kkunsidrat ġust” ma kienx japplika għalih biss, 24 imma għalina wkoll. Anki aħna se niġu kkunsidrati ġusti għax nemmnu f’Alla, li qajjem mill-mewt lil Ġesù l-Mulej tagħna. 25 Alla bagħat lil Ġesù biex imut għad-dnubiet tagħna u ġie mqajjem sabiex jikkunsidrana ġusti.