Ġeremija
13 Ġeħova qalli: “Mur ixtri ċinturin tal-għażel u ilbsu maʼ qaddek, imma xxarrbux.” 2 Allura xtrajt iċ-ċinturin bħalma qalli Ġeħova u lbistu maʼ qaddi. 3 U Ġeħova reġaʼ kellimni u qalli: 4 “Ħu ċ-ċinturin li xtrajt u li liebes, mur l-Ewfrat, u aħbih f’xaqq fil-blat.” 5 Allura mort u ħbejtu fl-Ewfrat, bħalma kkmandani Ġeħova.
6 Imma wara ħafna ġranet Ġeħova qalli: “Mur l-Ewfrat u ħu minn hemm iċ-ċinturin li kkmandajtek biex taħbi.” 7 Allura mort l-Ewfrat, ħaffirt għaċ-ċinturin, u ħadtu mill-post fejn kont ħbejtu, u rajt li ċ-ċinturin tmermer; ma kien jiswa għal xejn.
8 Imbagħad Ġeħova tani dan il-messaġġ: 9 “Ġeħova jgħid, ‘Jien se neqred il-kburija taʼ Ġuda u l-kburija kbira ħafna taʼ Ġerusalemm bħal dan iċ-ċinturin. 10 Dawn in-nies mill-agħar li ma jridux jobdu dak li ngħidilhom, li b’ras iebsa jagħmlu dak li trid qalbhom, u li jimxu wara allat oħra billi jaqduhom u jmilu quddiemhom, se jsiru bħal dan iċ-ċinturin li ma jiswa għal xejn.’ 11 ‘Għax bħalma ċinturin jintrabat maʼ qadd taʼ raġel, hekk irbatt miegħi l-poplu kollu t’Iżrael u l-poplu kollu taʼ Ġuda,’ jgħid Ġeħova, ‘biex isiru l-poplu tiegħi, il-fama tiegħi, it-tifħir tiegħi, u xi ħaġa sabiħa għalija. Imma huma m’obdewx.’
12 “U għaddilhom dan il-messaġġ ukoll, ‘Ġeħova l-Alla t’Iżrael jgħid: “Kull ġarra kbira għandha timtela bl-inbid.”’ U huma se jwiġbuk, ‘Mhux diġà nafu li kull ġarra kbira trid timtela bl-inbid?’ 13 Imbagħad għidilhom, ‘Ġeħova jgħid: “Bħalma jimlew ġarra kbira bl-inbid, jien qed insakkar bl-inbid lil dawk kollha li joqogħdu fil-pajjiż, lir-rejiet li qegħdin bilqiegħda fuq it-tron taʼ David, lill-qassisin u l-profeti, u lil dawk kollha li joqogħdu Ġerusalemm. 14 Jien se nħabbathom flimkien u nkissirhom, il-missirijiet u t-tfal se nittrattahom l-istess. Mhux se nħoss għalihom, nitħassarhom, jew inħenn għalihom. Xejn mhu se jwaqqafni milli neqridhom,” jgħid Ġeħova.’
15 “Isimgħu u oqogħdu attenti.
Tkunux suppervi, għax Ġeħova qalu dan.
16 Igglorifikaw lil Ġeħova l-Alla tagħkom
Qabel ma jġib id-dlam
U qabel ma titfixklu fuq il-muntanji waqt li jkun qed jidlam.
Intom se tittamaw għad-dawl,
Imma hu se jġib dlam ċappa;
Hu se jbiddel id-dawl f’dalma kbira.
Se nibki ħafna, u minn għajnejja se jinżel ħafna dmugħ,
Għax il-merħla taʼ Ġeħova ttieħdet fil-jasar.
18 Għid lir-re u lil ommu,* ‘Poġġu f’post iktar baxx,
Għax il-kuruna sabiħa tagħkom se tittieħed minn fuq raskom.’
19 Il-bliet li hemm fin-Nofsinhar ġew assedjati,* u m’hemm ħadd li jistaʼ jeħlishom.*
In-nies kollha taʼ Ġuda ttieħdu fl-eżilju.
20 Ħares* lejn l-għadu li ġej mit-Tramuntana.
Fejn hi l-merħla li ngħatatlek, in-nagħaġ sbieħ tiegħek?
21 X’se tgħid meta tiġi kkastigata
Minn dawk li dejjem qisthom bħala l-ħbieb tal-qalb tiegħek?
Int se jaqbdek uġigħ bħal taʼ mara li se twelled.
22 U meta tgħid f’qalbek, ‘Għala ġrali hekk?’
Għandek tkun taf li hu minħabba l-iżball kbir tiegħek li neħħewlek id-dublett tiegħek
U li għandek uġigħ kbir fl-għarqub.
23 Jistaʼ Kusi* jbiddel il-kulur tal-ġilda tiegħu jew leopard kif jidher?
Jekk iva, mela tistgħu tagħmlu t-tajjeb,
Avolja tgħallimtu tagħmlu l-ħażin.
24 Għalhekk, se nxerridkom bħal tiben li jtajru r-riħ tad-deżert.
26 Għalhekk, jien se ngħollilek id-dublett fuq wiċċek,
U n-nies se jaraw li int għarwiena,
27 L-adulterji li qed tagħmel, ix-xewqat sesswali li għandek,
U l-prostituzzjoni tal-mistħija li qed tagħmel.
Jien rajt il-qżiżijiet tiegħek
Fuq l-għoljiet u fl-għelieqi.
Ħażin għalik Ġerusalemm!
Kemm se ddum mhux nadifa?”