Ġeremija
11 Jien, Ġeremija, irċivejt dan il-messaġġ mingħand Ġeħova: 2 “Poplu, isimgħu l-kliem taʼ dan il-patt!
“Kellem* lin-nies taʼ Ġuda u lil dawk li joqogħdu Ġerusalemm, 3 u għidilhom, ‘Hekk jgħid Ġeħova, l-Alla t’Iżrael: “Misħut hu dak li ma jobdix il-kliem taʼ dan il-patt, 4 li jien ikkmandajt lil missirijietkom dakinhar li ħriġthom mill-art tal-Eġittu, mill-forn li jdewweb il-ħadid. Jien għedt, ‘Isimgħu minni, u agħmlu l-affarijiet kollha li kkmandajtkom. B’hekk, issiru l-poplu tiegħi u jien l-Alla tagħkom, 5 biex inwettaq dak li ħlift lil missirijietkom, li nagħtihom art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel, bħalma għadni nagħmel sal-lum.’”’”
U jien wiġibt: “Ammen* Ġeħova.”
6 Imbagħad Ġeħova qalli: “Xandar dan il-kliem fil-bliet taʼ Ġuda u fit-toroq taʼ Ġerusalemm: ‘Isimgħu l-kliem taʼ dan il-patt u obduh. 7 Għax jien wissejt bis-serjetà lil missirijietkom dakinhar li ħriġthom mill-art tal-Eġittu u għedtilhom, “Isimgħu minni.” U bqajt nagħti din it-twissija għal darba wara l-oħra sal-lum. 8 Imma huma la semgħuni u lanqas taw kasi.* Minflok, b’ras iebsa, kull wieħed għamel dak li tixtieq qalbu li hi ħażina. Huma ma ridux jagħmlu dak li kkmandajthom. Għalhekk, ikkastigajthom bħalma hemm miktub fil-patt.’”
9 Imbagħad Ġeħova qalli: “In-nies taʼ Ġuda u dawk li joqogħdu Ġerusalemm qed jikkonfoffaw kontrija. 10 Huma qed jagħmlu l-iżbalji li għamlu missirijiethom tal-qedem, li ma ridux jobdu dak li għedt. Anki huma qiemu allat oħrajn u qdewhom. In-nies tal-poplu t’Iżrael u taʼ Ġuda kisru l-patt li għamilt maʼ missirijiethom. 11 Għalhekk, Ġeħova jgħid, ‘Jien se nġib fuqhom diżastru li ma jkunux jistgħu jeħilsu minnu. Meta jgħajtuli biex ngħinhom, mhux se nismagħhom. 12 Imbagħad dawk li joqogħdu fil-bliet taʼ Ġuda u taʼ Ġerusalemm se jmorru għand l-allat li lilhom qed jagħmlu s-sagrifiċċji* u jitolbuhom biex jgħinuhom, imma dawn żgur li mhux se jsalvawhom meta jkunu fl-inkwiet. 13 Għax f’Ġuda hemm allat daqskemm hemm bliet. Huma għamlu artali biex jagħmlu sagrifiċċji lill-alla tal-mistħija, jiġifieri lil Bagħal. Hemm artali daqskemm hemm toroq f’Ġerusalemm.’
14 “Issa int Ġeremija, titlobx għal dan il-poplu. Tgħajjatlix biex ngħinhom jew titlob għalihom, għax mhux se nismagħhom meta jgħajtuli biex ngħinhom minħabba l-inkwiet tagħhom.
15 Il-poplu għażiż tiegħi, liema dritt għandu biex ikun fid-dar tiegħi,
Meta ħafna minnhom qed jagħmlu l-ħażen li ppjanaw?
Meta jiġi d-diżastru fuqek* se jiskansak il-laħam qaddis?*
Se tifraħ f’dak iż-żmien?
16 Jien, Ġeħova, darba sejjaħtlek siġra taż-żebbuġ li tagħmel ħafna,
Siġra sabiħa b’żebbuġ mill-aqwa.
B’ħoss kbir ħafna, jien tajtek in-nar,
U l-għedewwa kissrulek il-friegħi.
17 “Jien, Ġeħova tal-armati, il-Wieħed li Ħawwiltek, għedt li ġej diżastru fuqek, poplu taʼ Ġuda, minħabba l-ħażen li għamiltu flimkien mal-poplu t’Iżrael, meta offendejtuni billi għamiltu sagrifiċċji lil Bagħal.”
18 Ġeħova, int għedtli ħalli nkun naf;
F’dak iż-żmien urejtni x’kienu qed jagħmlu.
19 Jien kont bħal ħaruf li qed jittieħed għall-qatla.
Ma kontx naf li kienu qed jippjanaw kontrija.
“Ejja neqirdu s-siġra bil-frott tagħha,
Ejja noqtluh,
Ħalli ħadd iktar ma jiftakar ismu.”
Ħallini ħa nara l-vendetta li se ġġib fuqhom,
Għax jien għandek ġejt bil-kawża legali tiegħi.
21 Għalhekk, hekk jgħid Ġeħova kontra n-nies t’Għanatot li qed jipprovaw joqtluk u li qalulek: “Jekk tibqaʼ tipprofetizza f’isem Ġeħova, noqtluk”; 22 għalhekk, Ġeħova tal-armati jgħid: “Jien se nitlob kont minnhom. L-irġiel żgħażagħ se jmutu bix-xabla u t-tfal subien u bniet tagħhom se jmutu bil-ġuħ. 23 Ħadd mhu se jifdal minnhom, għax jien se nġib diżastru fuq in-nies t’Għanatot fis-sena li nitlob kont minnhom.”