Eżekjel
48 “Dawn huma l-porzjonijiet skont l-ismijiet tat-tribù, mit-tarf nett tat-Tramuntana: sehem Dan se jkun minn mat-triq taʼ Ħetlon sa Lebo-ħamat* sa Ħasar-għenan, mat-tul tal-fruntiera taʼ Damasku lejn it-Tramuntana, fejn Ħamat; u dan se jkun mill-fruntiera tal-Lvant sal-fruntiera tal-Punent. 2 Sehem Aser se jkun ħdejn il-fruntiera taʼ Dan, mill-fruntiera tal-Lvant sal-fruntiera tal-Punent. 3 Sehem Naftali se jkun ħdejn il-fruntiera t’Aser, mill-fruntiera tal-Lvant sal-fruntiera tal-Punent. 4 Sehem Manasse se jkun ħdejn il-fruntiera taʼ Naftali, mill-fruntiera tal-Lvant sal-fruntiera tal-Punent. 5 Sehem Efrajm se jkun ħdejn il-fruntiera taʼ Manasse, mill-fruntiera tal-Lvant sal-fruntiera tal-Punent. 6 Sehem Ruben se jkun ħdejn il-fruntiera t’Efrajm, mill-fruntiera tal-Lvant sal-fruntiera tal-Punent. 7 Sehem Ġuda se jkun ħdejn il-fruntiera taʼ Ruben, mill-fruntiera tal-Lvant sal-fruntiera tal-Punent. 8 Ħdejn il-fruntiera taʼ Ġuda, mill-fruntiera tal-Lvant sal-fruntiera tal-Punent, l-art li għandkom twarrbu bħala kontribuzzjoni għandha tkun wiesgħa 25,000 kubitu* u t-tul tagħha għandu jkun daqs dak tat-tribujiet l-oħrajn mill-fruntiera tal-Lvant sal-fruntiera tal-Punent. Is-santwarju se jkun fin-nofs tagħha.
9 “Il-kontribuzzjoni li għandkom twarrbu għal Ġeħova għandha tkun twila 25,000 kubitu u wiesgħa 10,000. 10 Din għandha tkun il-kontribuzzjoni qaddisa għall-qassisin. Għandha tkun 25,000 kubitu fuq in-naħa tat-Tramuntana, 10,000 fuq il-Punent, 10,000 fuq il-Lvant, u 25,000 fuq in-Nofsinhar. Is-santwarju taʼ Ġeħova għandu jkun fin-nofs tagħha. 11 Din se tkun għall-qassisin li tqaddsu mill-familja taʼ Sadok, dawk li ħadu ħsieb ir-responsabbiltajiet tagħhom għalija u li ma tbegħdux minni meta l-Iżraelin u l-Leviti tbiegħdu minni. 12 Huma se jkollhom sehem mill-kontribuzzjoni tal-art li kienet twarrbet bħala xi ħaġa mill-iktar qaddisa, mal-fruntiera tal-Leviti.
13 “Il-Leviti se jkollhom biċċa art twila 25,000 kubitu u wiesgħa 10,000, eżatt ħdejn it-territorju tal-qassisin. (Din l-art se tkun twila 25,000 u wiesgħa 10,000.) 14 Huma m’għandhomx ibigħu, ipartu, jew jagħtu sehem minn din l-art li hi l-aqwa parti tal-pajjiż, għax din hi xi ħaġa qaddisa għal Ġeħova.
15 “Il-5,000 kubitu wisaʼ li jibqaʼ flimkien mal-25,000 kubitu tul se jintużaw min-nies tal-belt, biex ikollhom fejn joqogħdu u fejn jirgħaw l-annimali. Il-belt għandha tkun fin-nofs tagħha. 16 Dawn huma l-qisien tal-belt: It-tarf tat-Tramuntana hu 4,500 kubitu, it-tarf tan-Nofsinhar hu 4,500 kubitu, it-tarf tal-Lvant hu 4,500 kubitu, u t-tarf tal-Punent hu 4,500 kubitu. 17 L-art fejn jirgħaw l-annimali tal-belt se tkun 250 kubitu lejn it-Tramuntana, 250 lejn in-Nofsinhar, 250 lejn il-Lvant, u 250 lejn il-Punent.
18 “It-tul li jibqaʼ jkun eżatt daqs il-kontribuzzjoni qaddisa, 10,000 kubitu lejn il-Lvant u 10,000 kubitu lejn il-Punent. Dan ikun eżatt daqs il-kontribuzzjoni qaddisa, u dak li tipproduċi din l-art ħa jkun għal dawk li jaħdmu fil-belt. 19 Se jieħdu ħsiebha dawk li qed jaħdmu fil-belt mit-tribujiet kollha t’Iżrael.
20 “Il-kontribuzzjoni sħiħa hi 25,000 kubitu kwadru. Intom għandkom twarrbuha bħala kontribuzzjoni qaddisa flimkien mal-propjetà tal-belt.
21 “Dak li jibqaʼ fuq iż-żewġ naħat tal-kontribuzzjoni qaddisa u tal-propjetà tal-belt se jkun tal-kap. Se tkun maġenb il-25,000 kubitu tat-truf tal-Lvant u tal-Punent tal-kontribuzzjoni. Din tkun eżatt daqs il-porzjonijiet taʼ magħha, u tkun għall-kap. Il-kontribuzzjoni qaddisa u s-santwarju tat-tempju se jkunu fin-nofs tagħha.
22 “Dak li hu tal-Leviti u dak li hu tal-belt se jkunu bejn dak li hu tal-kap. It-territorju tal-kap se jkun bejn il-fruntiera taʼ Ġuda u l-fruntiera taʼ Benjamin.
23 “Dwar l-art li se tingħata lill-bqija tat-tribujiet, sehem Benjamin hu mill-fruntiera tal-Lvant sal-fruntiera tal-Punent. 24 Sehem Simegħon hu mal-fruntiera taʼ Benjamin, mill-fruntiera tal-Lvant sal-fruntiera tal-Punent. 25 Sehem Issakar hu mal-fruntiera taʼ Simegħon, mill-fruntiera tal-Lvant sal-fruntiera tal-Punent. 26 Sehem Żebulun hu mal-fruntiera taʼ Issakar, mill-fruntiera tal-Lvant sal-fruntiera tal-Punent. 27 Sehem Gad hu mal-fruntiera taʼ Żebulun, mill-fruntiera tal-Lvant sal-fruntiera tal-Punent. 28 Il-fruntiera tan-Nofsinhar li hi ħdejn il-fruntiera taʼ Gad se tkun minn Tamar sal-ilmijiet taʼ Meribat-kades, sal-Wied tal-Eġittu, u sal-Baħar il-Kbir.*
29 “Din hi l-art li għandkom tqassmu bħala wirt lit-tribujiet t’Iżrael, u dawn se jkunu l-porzjonijiet tagħhom,” jgħid Ġeħova s-Sid taʼ Kollox.*
30 “Dawn se jkunu l-bibien tal-belt: In-naħa tat-Tramuntana se tkun 4,500 kubitu.
31 “Il-bibien tal-belt se jissemmew skont it-tribujiet t’Iżrael. Fit-Tramuntana se jkun hemm tliet bibien: bieb għal Ruben, bieb għal Ġuda, u bieb għal Levi.
32 “In-naħa tal-Lvant se tkun twila 4,500 kubitu, u se jkun hemm tliet bibien: wieħed għal Ġużeppi, wieħed għal Benjamin, u wieħed għal Dan.
33 “In-naħa tan-Nofsinhar se tkun 4,500 kubitu, bi tliet bibien: wieħed għal Simegħon, wieħed għal Issakar, u wieħed għal Żebulun.
34 “In-naħa tal-Punent se tkun twila 4,500 kubitu, bi tliet bibien: wieħed għal Gad, wieħed għal Aser, u wieħed għal Naftali.
35 “Id-distanza madwar il-belt b’kollox se tkun 18,000 kubitu. U minn dakinhar l-isem tal-belt se jkun Ġeħova Qiegħed Hemm.”