Ittra lil-Lhud
2 Hu għalhekk li għandna bżonn noqogħdu attenti iktar mis-soltu għal dak li smajna, biex ma nitbegħdux mill-fidi. 2 Għax jekk dak li ntqal lil missirijietna permezz tal-anġli ntwera li kien veru, u kull min jagħmel dnub u jkun diżubbidjenti jiġi kkastigat fi qbil mal-ġustizzja, 3 kif se naħarbu l-kastig jekk ma tajniex kas il-messaġġ dwar dak li għamel Alla biex isalvana? Il-Mulej tagħna beda jxandar dwar dan, u dawk li semgħuh qalulna dwaru. 4 U Alla kkonferma x-xhieda tagħhom billi għamel mirakli u affarijiet tal-għaġeb, u billi qassam l-ispirtu qaddis skont kif ried hu.
5 Alla ma qabbadx lill-anġli biex imexxu fuq id-dinja li ġejja, dik li qed nitkellmu dwarha. 6 Darba kien hemm xhud li qal: “X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih, jew bin il-bniedem biex tieħu ħsiebu? 7 Int għamiltu ftit inqas mill-anġli; żejjintu bil-glorja u l-unur, u tajtu l-awtorità fuq dak li ħlaqt. 8 Int poġġejt kollox taħt il-kontroll tiegħu.”* Għax meta Alla ħallieh imexxi fuq kollox, ma kien hemm xejn li ma tahx kontroll fuqu. Però, għadna mhux qed naraw lil Ġesù jmexxi fuq kollox. 9 Imma lil Ġesù, li kien intgħamel ftit inqas mill-anġli, qed narawh imżejjen bil-glorja u l-unur talli miet. Permezz tal-qalb tajba kbira t’Alla, hu esperjenza l-mewt għal kulħadd.
10 Kollox jeżisti għal Alla u permezz tiegħu. Għalhekk biex jigglorifika lit-tfal tiegħu,* kien xieraq li Alla jħalli lill-Mexxej Magħżul* ibati biex ikun ikkwalifikat biex isalvahom. 11 Ġesù u dawk li hu qaddes għandhom l-istess missier, u għalhekk ma jistħix jgħid li huma ħutu. 12 Fil-fatt hu jgħid: “Se nxandar ismek lil ħuti; se nfaħħrek bil-kant f’nofs il-kongregazzjoni.” 13 Jgħid ukoll: “Jien nafda fih.” U: “Hawn jien mat-tfal żgħar li Ġeħova* tani.”
14 Għalhekk, peress li “t-tfal” huma tad-demm u l-laħam, hu wkoll sar tad-demm u l-laħam, ħalli permezz tal-mewt tiegħu jġib fix-xejn lil dak li jġib il-mewt, jiġifieri lix-Xitan. 15 Ukoll, hu jeħles lil dawk kollha li għexu bħala lsiera għax jibżgħu mill-mewt. 16 Għax fil-fatt, hu mhux qed jgħin lill-anġli, imma lid-dixxendenti t’Abraham.* 17 Għalhekk, hu kellu jsir bħal ħutu f’kollox, ħalli jkun jistaʼ jsir il-qassis il-kbir li jagħmel ix-xogħol t’Alla bil-ħniena u b’mod leali. B’hekk, ikun jistaʼ joffri sagrifiċċju biex jeħles lin-nies mid-dnub u jgħinhom ikollhom ħbiberija m’Alla.* 18 Peress li hu stess bata meta kien qed jiġi ttestjat, hu jistaʼ jgħin lil dawk li jkunu qed jiġu ttestjati.