Isaija
29 “Ħażin għal Arjel,* il-belt fejn David ikkampja!
Komplu ċċelebraw il-festi tagħkom
Sena wara sena.
2 Imma jien se nġib inkwiet fuq Arjel,
U se jkun hemm dwejjaq u biki,
U għalija hi se ssir bħal artal.
3 Jien se nikkampja minn kull naħa biex niġġieled kontrik,
U se nassedjak b’ħajt taʼ zkuk ippontati
U se ntellaʼ kontrik strutturi tal-assedju.
4 Int se tkun umiljat u mitfugħ fl-art;
U minn hemm se titkellem,
U minħabba t-trab, kliemek mhux se jkun ċar.
Leħnek se jiġi mill-art,
Bħal-leħen tal-medjum tal-ispirti,
U kliemek ikun bħal tpespis mit-trab.
5 Il-folla tal-għedewwa* tiegħek se jkunu bħal trab fin,
Il-folla tat-tiranni se tkun bħal qoxra taʼ żerriegħa li tittajjar.
U dan se jiġri f’ħakka t’għajn, f’daqqa waħda.
6 Jien, Ġeħova tal-armati se nipproteġik
Bir-ragħad, b’terremot, b’ħoss kbir,
B’riefnu, b’tempesta, u bil-fjammi tan-nar li jeqirdu.”
7 Imbagħad il-folla tal-ġnus kollha li qed jiggwerraw kontra Arjel,
Se jsiru bħal ħolma, viżjoni billejl.
Din il-folla hi dawk kollha li qed jiggwerraw kontriha,
It-torrijiet tal-assedju kontra tagħha,
U dawk li qed iġibulha l-inkwiet.
8 Iva, se jiġri eżatt bħal meta xi ħadd bil-ġuħ joħlom li qed jiekol,
Imma jqum bil-ġuħ,
U bħal meta xi ħadd bil-għatx joħlom li qed jixrob,
Imma jqum għajjien u bil-għatx.
Hekk se jiġrilha l-folla tal-ġnus kollha
Li qed tiġġieled kontra l-Muntanja Sijon.
9 Għandkom tistagħġbu u tibliehu;
Agħmu lilkom infuskom ħalli ma tarawx.
Il-mexxejja tagħkom fis-sakra, imma mhux bl-inbid;
Huma qed jixxenglu, imma mhux bl-alkoħol.
11 Għalikom kull viżjoni ssir bħall-kliem fi ktieb issiġillat. Meta jagħtuh lil xi ħadd li jaf jaqra, jgħidulu: “Aqra dan b’leħen għoli, jekk jogħġbok,” u hu jgħid: “Ma nistax, għax issiġillat.” 12 U meta jagħtu l-ktieb lil xi ħadd li ma jafx jaqra, jgħidulu: “Aqra dan, jekk jogħġbok,” u hu jgħid: “Ma nafx naqra.”
13 Ġeħova jgħid: “Dawn in-nies iqimuni b’dak li jgħidu
U jfaħħruni bi kliemhom,
Imma ma jħobbunix,
U r-rispett* li għandhom lejja hu bbażat fuq dak li jgħidu n-nies.
14 Għalhekk, jien se nerġaʼ nagħmel affarijiet tal-għaġeb lil dawn in-nies,
Xi ħaġa tal-għaġeb waħda wara oħra;
U l-għerf taʼ dawn l-irġiel għorrief se jiġi fix-xejn,
U l-abbiltà li jifhmu tal-irġiel għaqlin se tisparixxi.”
Dak li għamlu jsir f’post mudlam,
Waqt li jgħidu: “Min se jarana, min jaf bina?”
16 Kemm tafu tgħawġu l-affarijiet!*
Għandu min jagħmel il-fuħħar jitqies daqs it-tafal?
Jistaʼ oġġett jgħid dwar dak li għamlu:
“Int m’għamiltnix”?
U għandu dak li ġie fformat jgħid dwar dak li fformah:
“Dak ma jifhimx”?
17 Fi ftit żmien ieħor il-Libanu se jsir ġnien tas-siġar tal-frott,
U dan il-ġnien se jitqies bħala foresta.
18 Dakinhar dawk li ma jisimgħux se jisimgħu l-kliem tal-ktieb,
U dawk li ma jarawx se jaraw, għax se jkunu ħielsa mid-dlam u s-swidija.
19 Dawk umli se jifirħu ħafna b’Ġeħova,
U l-foqra se jifirħu bil-Qaddis t’Iżrael.
20 Għax mhux se jkun hemm iktar tiranni,
Mhux se jibqgħu jeżistu dawk li jiftaħru,
U se jinqerdu dawk kollha li moħħhom biex jagħmlu l-ħsara:
21 Dawk li jakkużaw falz lil oħrajn,
Dawk li jagħmlu n-nases lil min jiddefendi ruħu* f’bieb il-belt,
U dawk li bl-argumenti bla sens tagħhom ma jagħmlux ġustizzja mal-ġusti.
22 Għalhekk, Ġeħova li feda* lil Abraham, jgħid lid-dar taʼ Ġakobb:
“Ġakobb mhux se jistħi iktar,
U wiċċu mhux se jibqaʼ jidher iddiżappuntat.*
23 Għax meta jara lit-tfal tiegħu madwaru,
Li huma xogħol idejja,
Huma se jqaddsu lil ismi;
Iva, huma se jqaddsu lill-Qaddis taʼ Ġakobb,
U huma se juru rispett kbir lill-Alla t’Iżrael.
24 Dawk li jiżvijaw se jifhmu,
U dawk li jgergru se jkunu lesti li jitgħallmu.”