L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel
12 Fl-aħħar, Samwel qal lil Iżrael kollu: “Jien għamilt* kulma għedtuli, u tajtkom re. 2 Issa hawn hu r-re li qed imexxikom!* Jien xjaħt u xagħri bjad, u t-tfal tiegħi qegħdin hawn magħkom. Jien mexxejtkom minn żgħożiti sal-lum. 3 Hawn jien. Agħtu xhieda kontrija quddiem Ġeħova u l-magħżul* tiegħu: Ħadt jien barri jew ħmar taʼ xi ħadd? Qatt sraqt jew ħqart lil xi ħadd? Jew aċċettajt tixħim biex nagħlaq għajnejja? Jekk għamilt hekk, jien nagħtihom lura.” 4 Għal dan qalulu: “La sraqtna, la ħqartna, u lanqas aċċettajt xi ħaġa mingħand xi ħadd.” 5 Għalhekk qalilhom: “Ġeħova hu xhud kontrikom, u l-magħżul* tiegħu hu xhud illum li ma sibtu xejn fuqiex takkużawni.”* Għal dan qalulu: “Hu xhud.”
6 Għalhekk Samwel qal lin-nies: “Ġeħova, li uża lil Mosè u lil Aron u li ħareġ lil missirijietkom mill-art tal-Eġittu, hu xhud. 7 U issa ersqu ’l hawn, u jien niġġudikakom quddiem Ġeħova fuq il-bażi tal-affarijiet ġusti kollha li Ġeħova għamel magħkom u maʼ missirijietkom.
8 “Ġakobb kien mar l-Eġittu. Iktar tard meta missirijietkom bdew jgħajtu lil Ġeħova għall-għajnuna, Ġeħova bagħat lil Mosè u lil Aron sabiex joħorġu lil missirijietkom mill-Eġittu, u b’hekk issetiljaw f’dan il-post. 9 Imma huma nsewh lil Ġeħova l-Alla tagħhom, u hu tahom* f’id Sisera l-kap tal-armata taʼ Ħasor, f’id il-Filistin, u f’id ir-re taʼ Mowab, u dawn iġġieldu kontrihom. 10 U għajtu lil Ġeħova għall-għajnuna u qalu, ‘Dnibna, għax tlaqna lil Ġeħova biex naqdu lill-Bagħalim u l-istatwi t’Għastoret. Issa eħlisna minn id l-għedewwa tagħna sabiex naqduk.’ 11 Imbagħad Ġeħova bagħat lil Ġerubbagħal, lil Bedan, lil Ġefta, u lili* u ħeliskom minn id l-għedewwa kollha taʼ madwarkom, sabiex tkunu tistgħu tgħixu fis-sigurtà. 12 Meta rajtu li Naħas ir-re tal-Għammonin ġie kontrikom, bqajtu tgħiduli, ‘Le, aħna rridu re!’ Avolja Ġeħova l-Alla tagħkom hu r-Re tagħkom. 13 Issa hawn hu r-re li għażiltu u tlabtu. Ara, Ġeħova inkariga re fuqkom. 14 Jekk tirrispettaw ħafna lil* Ġeħova, taqduh, tisimgħu minnu, u ma tirribellawx kontra l-kmand taʼ Ġeħova, u intom u r-re tagħkom timxu wara Ġeħova l-Alla tagħkom, ikun tajjeb. 15 Imma jekk ma tisimgħux minn leħen Ġeħova u tirribellaw kontra l-kmand taʼ Ġeħova, Ġeħova jikkastiga lilkom u lil missirijietkom. 16 Issa ersqu ’l hawn u araw din il-ħaġa kbira li Ġeħova qed jagħmel quddiem għajnejkom. 17 Mhuwiex il-ħsad tal-qamħ illum? Ngħajjat lil Ġeħova biex jibgħat ir-ragħad u x-xita. Imbagħad tkunu tafu u tifhmu kemm kienet xi ħaġa ħażina f’għajnejn Ġeħova li tlabtu għal re.”
18 U Samwel għajjat lil Ġeħova, u Ġeħova bagħat ir-ragħad u x-xita dakinhar, u b’hekk in-nies kollha beżgħu ħafna minn Ġeħova u minn Samwel. 19 U n-nies kollha qalu lil Samwel: “Jekk jogħġbok, itlob lil Ġeħova l-Alla tiegħek għalina, għax ma rridux immutu. Għax mad-dnubiet kollha tagħna żidna dan il-ħażen billi tlabna għal re.”
20 Għalhekk, Samwel qal lin-nies: “Tibżgħux. Veru li għamiltu dan il-ħażen kollu, imma komplu imxu wara Ġeħova, u aqdu lil Ġeħova b’qalbkom kollha. 21 Titilquhx biex timxu wara allat li ma jiswew għal xejn,* li mhuma t’ebda benefiċċju, u li ma jistgħu jeħilsu ’l ħadd, għax ma jiswew għal xejn.* 22 Għax minħabba ismu l-kbir, Ġeħova mhux se jabbanduna l-poplu tiegħu, għaliex Ġeħova għażel li jagħmilkom il-poplu tiegħu. 23 Min-naħa tiegħi, ma jgħaddilix minn moħħi li nidneb kontra Ġeħova billi nieqaf nitlob għalikom. Jien se nkompli ngħallimkom it-triq it-tajba u sewwa. 24 Imma intom irrispettaw ħafna lil* Ġeħova u aqduh lealment* b’qalbkom kollha. Ftakru x’affarijiet kbar għamel għalikom. 25 Imma jekk b’ras iebsa tagħmlu dak li hu ħażin, tinqerdu kemm intom u kemm ir-re tagħkom.”