L-Ewwel Ittra taʼ Ġwanni
1 Qed niktbulkom dwar il-kelma li tagħti l-ħajja, jiġifieri l-wieħed li kien mill-bidu, li aħna smajnieh, rajnieh, osservajnieh, u messejnieh. 2 Aħna sirna nafu u nifhmu l-ħajja taʼ dejjem li jagħti Alla, u qed nagħtu xhieda tagħha u ngħidulkom dwarha. 3 Aħna għednielkom x’rajna u xi smajna ħalli tkunu magħna* bħalma aħna qegħdin mal-Missier u maʼ Ibnu Ġesù Kristu. 4 U qed niktbulkom dawn l-affarijiet ħalli nkunu vera ferħanin.
5 Dan huwa l-messaġġ li smajna mingħandu u li qed ngħiduhulkom: Li Alla huwa dawl u m’hemm l-ebda dlam fih. 6 Jekk ngħidu: “Aħna qegħdin miegħu,” imma nkomplu nimxu fid-dlam,* inkunu qed nigdbu u ma nkunux qed ngħixu skont il-verità. 7 Imma jekk nimxu fid-dawl* bħalma hu stess qiegħed fid-dawl, aħna se nkunu magħqudin, u d-demm t’Ibnu Ġesù se jnaddafna minn kull dnub.
8 Jekk ngħidu: “M’għandniex dnub,” inkunu qed nidħqu bina nfusna u ma nkunux qed nemmnu bil-verità. 9 Jekk nammettu dnubietna, hu se jaħfirhomlna u jnaddafna minn kull ħaġa li mhix sewwa, għax hu leali u ġust. 10 Jekk ngħidu li ma nidinbux, ikun bħallikieku qed ngħidu li Alla hu giddieb u ma nemmnux dak li jgħid.