Salm
Irringrazzjaw lil Ġeħova, għax hu tajjeb;
L-imħabba u l-lealtà* tiegħu jibqgħu għal dejjem.
2 Min jistaʼ jsemmi l-affarijiet tal-għaġeb kollha li għamel Ġeħova,
Jew ixandar l-affarijiet kbar kollha li għamel?
3 Ferħanin huma dawk li jaġixxu bil-ġustizzja,
Li dejjem jagħmlu dak li hu tajjeb.
4 Ġeħova, ftakar fija meta turi ħniena mal-poplu tiegħek.
Ħu ħsiebi u salvani.
5 B’hekk inkun nistaʼ ngawdi l-qalb tajba li turi mal-magħżulin tiegħek,
Inkun nistaʼ nifraħ mal-poplu tiegħek,
U nkun nistaʼ niftaħar bik* mal-wirt tiegħek.
6 Aħna dnibna bħal missirijietna;
Żbaljajna; aġixxejna b’mod ħażin.
7 Missirijietna fl-Eġittu m’apprezzawx* l-affarijiet tal-għaġeb li għamilt int.
Huma ma ftakrux kemm urejt imħabba u lealtà.
Minflok, irribellaw ħdejn il-Baħar l-Aħmar.
8 Imma Alla salvahom biex ismu jiġi gglorifikat,
Biex juri kemm hu b’saħħtu.
9 Hu ta kmand lill-Baħar l-Aħmar u dan nixef;
Hu mexxa lill-poplu tiegħu fil-qiegħ tal-baħar daqslikieku fid-deżert.*
10 Hu salvahom minn dawk li kienu jobogħduhom
U ħadhom lura mingħand l-għedewwa tagħhom.
11 L-ilmijiet għattew lil dawk taʼ kontrihom;
Ħadd minnhom ma salva.
12 Imbagħad beda jkollhom fidi fil-wegħda tiegħu;
Huma bdew ikantaw u jfaħħruh.
13 Imma malajr nesew x’għamel;
Ma stennewhx jgħidilhom x’għandhom jagħmlu.
14 Huma ċedew għax-xewqat egoisti li kellhom fid-deżert;
Hemm għaddew lil Alla minn prova.
15 Hu tahom dak li talbuh,
Imma mbagħad bagħtilhom marda li dgħajfithom u qatlithom.
16 In-nies fil-kampijiet bdew jgħiru għal Mosè,
Anki għal Aron il-qaddis taʼ Ġeħova.
17 Imbagħad l-art infetħet u belgħet lil Datan,
U radmet lil dawk li kienu m’Abiram.
18 Fosthom beda jaqbad nar
U ħaraq lill-ħżiena.
20 Huma ppreferew iqimu forma taʼ barri li jiekol il-ħaxix
Milli jagħtu glorja lil Alla.
21 Huma nesew lil Alla li Salvahom,
Li għamel affarijiet kbar fl-Eġittu,
22 Affarijiet tal-għaġeb fl-art taʼ Ħam,
U li aġixxa b’mod impressjonanti ħdejn il-Baħar l-Aħmar.
23 Hu kien wasal biex jeqridhom,
Imma Mosè, il-magħżul tiegħu,
Talbu bil-ħniena* biex ma jibqax irrabjat u ma jeqridhomx.
24 Imbagħad bdew jobogħdu l-art li kienu jixtiequ;
Ma kellhomx fidi fil-wegħda tiegħu.
25 Huma komplew igergru fit-tined tagħhom;
Ma semgħux minn Ġeħova.
26 Għalhekk, hu għolla idu u ħalef
Li kien se jeqridhom fid-deżert.
27 Hu kien se jxerred lil dawk li jiġu minnhom fost il-popli
U jħallihom imutu f’pajjiżi oħra.
29 Huma ġegħluh jirrabja ħafna b’dak li għamlu,
Għalhekk ikkastigahom.
30 Imma meta Fineħas ħa azzjoni, il-kastig waqaf.
31 Għalhekk, Alla kkunsidrah ġust għal dejjem
Matul il-ġenerazzjonijiet kollha.
33 Huma rrabjawh,
U tkellem mingħajr ma ħasibha.
34 Huma ma qerdux il-popli għalkollox,
Bħalma kien ikkmandahom Ġeħova.
36 Huma baqgħu jaqdu l-idoli tagħhom,
U dawn saru nassa għalihom.
37 Huma kienu jissagrifikaw lit-tfal tagħhom lid-demonji.
38 Baqgħu jxerrdu demm innoċenti,
Id-demm tat-tfal tagħhom stess
Li ssagrifikawhom lill-idoli taʼ Kangħan.
L-art kienet imniġġsa minħabba d-demm li xxerred.
40 Għalhekk, Ġeħova rrabja ħafna mal-poplu tiegħu,
U beda jobgħod il-wirt tiegħu.
41 Għal darba wara l-oħra, hu tahom f’idejn il-popli,
Biex dawk li jobogħduhom jikkontrollawhom.
43 Hu salvahom ħafna drabi,
Imma huma kienu jirribellaw u ma jobdux.
B’hekk, kienu jiġu umiljati minħabba l-iżball tagħhom.
44 Imma hu kien jarahom ibatu
U jismagħhom meta jgħajtulu għall-għajnuna.
45 Hu kien jiftakar fil-patt li għamel magħhom,
U jitħassarhom* peress li kien iħobbhom ħafna u kien leali* lejhom.
46 Hu kien jagħmel ċert li dawk li jżommuhom ilsiera jitħassruhom.
47 Salvana, Ġeħova Alla tagħna.
Iġborna minn fost il-popli
Biex inkunu nistgħu nirringrazzjaw lill-isem qaddis tiegħek
U nfaħħruk bil-ferħ.
48 Ħa jiġi mfaħħar għal dejjem Ġeħova l-Alla t’Iżrael.
Jalla n-nies kollha jgħidu, “Ammen!”*
Faħħru lil Jah!*