Ekkleżjasti
7 Li jkollok reputazzjoni tajba* hu aħjar minn żejt prezzjuż, u l-ġurnata taʼ meta wieħed imut hi aħjar minn taʼ meta jitwieled. 2 Aħjar tmur f’dar fejn hemm in-niket minħabba li miet xi ħadd milli f’dar fejn hemm festa, għax kulħadd hekk se jispiċċa. Min hu ħaj għandu jżomm dan f’moħħu. 3 Aħjar l-inkwiet mid-daħq, għax id-dwejjaq jagħmel persuna aħjar.* 4 L-għaref qiegħed fid-dar fejn hemm in-niket minħabba li miet xi ħadd, imma l-istupidu qiegħed fid-dar fejn hemm il-ferħ.*
5 Aħjar tismaʼ l-korrezzjoni taʼ xi ħadd għaref milli tismaʼ t-tifħir* taʼ xi ħadd iblah. 6 Id-daħq tal-iblah hu bħall-ħoss ifaqqaʼ tax-xewk jaqbad taħt il-borma; u dan ukoll hu bla sens. 7 Imma l-moħqrija tistaʼ ġġiegħel lill-għaref jaġixxi taʼ miġnun, u t-tixħim iħassar il-qalb.
8 Aħjar it-tmiem taʼ kwistjoni milli l-bidu tagħha. Aħjar tkun paċenzjuż milli kburi. 9 Tiħux għalik malajr, għax il-boloh jieħdu għalihom.
10 Tgħidx: “Għala l-passat kien aħjar minn issa?” għax ma jkunx għaqli li tistaqsi hekk.
11 Hu tajjeb li xi ħadd għaqli jirċievi wirt, għax l-għarfien hu taʼ vantaġġ għal dawk li huma ħajjin.* 12 Għax l-għerf hu taʼ protezzjoni bħall-flus, imma l-vantaġġ taʼ li wieħed ikollu l-għerf u l-għarfien hu li dawn se jsalvawlu ħajtu.
13 Innota dak li għamel l-Alla l-veru: Min jistaʼ jiddritta dak li hu għamel mgħawweġ? 14 F’ġurnata tajba, kun tajjeb int ukoll, imma f’ġurnata diffiċli,* ftakar li Alla għamilhom it-tnejn li huma biex in-nies ma jkunux jafu* x’se jiġri fil-futur.
15 Matul il-ħajja bla sens tiegħi, jien rajt ħafna affarijiet. Rajt il-ġust imut qabel iż-żmien minkejja li hu ġust u l-ħażin jibqaʼ jgħix minkejja l-ħażen tiegħu.
16 Tkunx ġust iżżejjed jew turi li int għaref wisq. Għala għandek teqred lilek innifsek? 17 Tagħżilx li tagħmel il-ħażin jew li tkun iblah. Għala għandek tmut qabel iż-żmien? 18 Ikun tajjeb li tismaʼ minn dawn iż-żewġ twissijiet. Tirrifjutax waħda minnhom, għax min jirrispetta ħafna lil* Alla jagħti kashom it-tnejn.
19 L-għerf taʼ xi ħadd għaref jagħmlu iktar b’saħħtu minn għaxart irġiel b’saħħithom f’belt. 20 Għax m’hemm ħadd ġust fuq l-art li dejjem jagħmel it-tajjeb u qatt ma jidneb.
21 Ukoll, tagħtix kas kull ħaġa li jgħidu n-nies, inkella jistaʼ jkun li tismaʼ lill-qaddej tiegħek jisħtek.* 22 Għax int stess taf li kemm-il darba sħitt lil oħrajn.
23 Jien eżaminajt dan kollu bl-għerf li għandi u għedt: “Se nsir għaref.” Imma kien wisq diffiċli għalija. 24 In-nies mhumiex kapaċi jifhmu kollox. Hemm affarijiet li huma diffiċli wisq biex tifhimhom. Min jistaʼ jifhem kollox? 25 Jien iddeċidejt li nsir naf, li neżamina, u li nfittex l-għerf u għala saru l-affarijiet. Ukoll li nifhem il-ħażen tal-istupidi u l-bluha taʼ dawk li jaġixxu bil-ġenn. 26 Imbagħad skoprejt li l-mara li hi bħal nassa, li qalbha hi bħal xibka, u li jdejha huma bħall-ktajjen tal-ħabs hi agħar* mill-mewt. Il-wieħed li jogħġob lill-Alla l-veru se jaħrab minnha, imma l-midneb* se jinqabad minnha.
27 “Dan hu li sibt,” jgħid l-għalliem.* “Jien eżaminajt ħaġa wara l-oħra biex nasal għall-konklużjoni, 28 imma għalkemm bqajt infittex,* ma sibtx dak li ridt. Minn 1,000 ruħ sibt raġel ġust, imma mara ġusta ma sibthiex. 29 Dan biss sibt, li l-Alla l-veru għamel lill-bnedmin ġusti, imma dawn għamlu li ppjanaw huma.”