L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel
19 Imbagħad Sawl kellem lil ibnu Ġonatan u lill-qaddejja kollha tiegħu dwar li joqtol lil David. 2 Peress li Ġonatan kien iħobbu ħafna lil David, qallu: “Missieri Sawl irid joqtlok. Jekk jogħġbok, oqgħod għassa filgħodu, u mur f’post sigriet u ibqaʼ mistoħbi. 3 Jien se noħroġ u noqgħod maġenb missieri fl-għalqa fejn tkun int u nkellmu fuqek, u jekk insir naf xi ħaġa, ngħidlek żgur.”
4 Allura, Ġonatan tkellem tajjeb dwar David maʼ missieru Sawl. Hu qallu: “Tidnibx kontra l-qaddej tiegħek David, għax hu ma dinibx kontrik u int ibbenefikajt minn dak li għamel għalik. 5 Hu ssogra ħajtu biex joqtol lill-Filisti, u b’hekk Ġeħova ġab rebħa* kbira għal Iżrael kollu. Int rajtu dan u fraħt ħafna. Allura għala għandek tidneb kontra d-demm taʼ persuna innoċenti billi toqtol lil David għalxejn?” 6 Sawl semaʼ minn Ġonatan u qal: “Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj li ma jinqatilx.” 7 Imbagħad Ġonatan għajjat lil David u qallu dan kollu. Allura Ġonatan ħa lil David għand Sawl, u baqaʼ jaqdih bħal qabel.
8 Maż-żmien, reġgħet faqqgħet il-gwerra u David ħareġ jiġġieled kontra l-Filistin u qatel ħafna minnhom. Il-bqija ħarbu minn quddiemu.
9 U Ġeħova ppermetta li Sawl ikollu ħsibijiet koroh* meta kien bilqiegħda f’daru bil-lanza f’idu. Dan ġara waqt li David kien qed idoqq l-arpa. 10 Sawl ipprova jolqtu bil-lanza u jsammru mal-ħajt, imma dan laħaq resaq minn quddiemu, u b’hekk il-lanza weħlet ġol-ħajt. David ħarab matul dak il-lejl. 11 Iktar tard, Sawl bagħat xi messaġġiera d-dar taʼ David biex joqogħdu għassa magħha u joqtluh filgħodu, imma martu Mikal qaltlu: “Jekk ma taħrabx dan il-lejl, għada tkun mejjet.” 12 Minnufih Mikal niżżlet lil David mit-tieqa biex jaħrab. 13 Imbagħad Mikal poġġiet l-istatwa tat-terafim* fuq is-sodda, u poġġiet xibka magħmula mix-xagħar tal-mogħoż fil-post fejn iqiegħed rasu, u għattiet kollox b’libsa.
14 Sawl issa bagħat xi messaġġiera biex jieħdu lil David, imma hi qalet: “Ma jiflaħx.” 15 Għalhekk, Sawl reġaʼ bagħat il-messaġġiera biex jiċċekkjaw u qalilhom: “Ġibuh għandi fuq is-sodda tiegħu biex noqtlu.” 16 Meta daħlu l-messaġġiera, kien hemm l-istatwa tat-terafim* fuq is-sodda u x-xibka magħmula mix-xagħar tal-mogħoż fil-post fejn iqiegħed rasu. 17 Sawl qal lil Mikal: “Għala dħaqt bija u ħallejt lill-għadu tiegħi jaħrab?” Mikal wiġbitu: “Hu qalli: ‘Ħallini mmur, inkella noqtlok!’”
18 U David kien ħarab u wasal għand Samwel f’Rama. Hu qallu kulma kien għamillu Sawl. Imbagħad hu u Samwel telqu, u qagħdu f’Najot. 19 Maż-żmien lil Sawl waslitlu l-aħbar li David qiegħed Najot f’Rama. 20 Minnufih Sawl bagħat xi messaġġiera biex jaqbdu lil David. Meta raw lil dawk imdaħħlin fiż-żmien minn fost il-profeti jipprofetizzaw u lil Samwel wieqaf bħala mexxej fuqhom, l-ispirtu t’Alla ġie fuq il-messaġġiera taʼ Sawl, u dawn bdew jaġixxu bħal profeti* wkoll.
21 Meta lil Sawl qalulu b’dan, hu minnufih bagħat messaġġiera oħrajn, u dawn bdew jaġixxu bħal profeti wkoll. Għalhekk, Sawl bagħat it-tielet grupp taʼ messaġġiera, u anki dawn bdew jaġixxu bħal profeti. 22 Fl-aħħar, hu wkoll mar Rama. Meta wasal ħdejn il-ġibjun il-kbir f’Seku, hu staqsa: “Fejn huma Samwel u David?” Wiġbuh: “Qegħdin Najot f’Rama.” 23 Waqt li Sawl kien sejjer lejn Najot f’Rama, l-ispirtu t’Alla ġie fuqu wkoll, u baqaʼ miexi u aġixxa bħal profeta sakemm wasal Najot f’Rama. 24 Ukoll, neżaʼ ħwejġu u aġixxa bħal profeta quddiem Samwel, u baqaʼ mixħut għarwien* dak il-jum u dak il-lejl kollu. Huwa għalhekk li jgħidu: “Anki Sawl hu wieħed mill-profeti?”