Esdra
9 Malli saru dawn l-affarijiet kollha, resqu lejja l-mexxejja importanti u qaluli: “Il-poplu t’Iżrael, il-qassisin, u l-Leviti ma nfirdux min-nies tal-pajjiżi u mill-prattiki moqżieża tagħhom, minn mal-Kangħanin, il-Ħittin, il-Pereżin, il-Ġebusin, l-Għammonin, il-Mowabin, l-Eġizzjani, u l-Amurrin. 2 Huma u t-tfal tagħhom iżżewġu lil xi bniet taʼ dawn il-pajjiżi. B’hekk, il-poplu qaddis tħallat man-nies tal-pajjiżi. Il-mexxejja importanti u l-uffiċjali kienu minn taʼ quddiem f’li jagħmlu dan id-dnub.”
3 Malli smajt dan, ċarratt ħwejġi, qattajt xagħri u d-daqna, u qgħadt bilqiegħda xxokkjat. 4 Imbagħad kull min kien jirrispetta ħafna* l-kliem tal-Alla t’Iżrael inġabar madwari minħabba d-dnub tal-poplu li ġie mill-jasar, waqt li bqajt bilqiegħda xxokkjat sal-ħin tal-offerta taċ-ċereali* taʼ filgħaxija.
5 U fil-ħin tal-offerta taċ-ċereali taʼ filgħaxija, wara li umiljajt ruħi b’dan il-mod, jien qomt bi ħwejġi mċarrtin, inżilt għarkopptejja, u ftaħt idejja lejn Ġeħova l-Alla tiegħi. 6 Jien għedtlu: “Alla tiegħi, qed nistħi u nħoss li ma jistħoqqlix ngħolli wiċċi lejk, għax l-iżbalji tagħna huma kbar ħafna u l-ħtija tagħna għoliet sas-sema. 7 Ilna ħatjin ħafna minn żmien missirijietna. U minħabba l-iżbalji tagħna, aħna, ir-rejiet tagħna, u l-qassisin tagħna ngħatajna f’idejn ir-rejiet tal-pajjiżi, ġejna maqtulin bix-xabla, ħaduna fil-jasar, serqulna ġidna, u umiljawna, bħalma qed jiġri llum. 8 Imma għal ftit żmien, int, Ġeħova Alla tagħna, urejtna l-ħniena billi ħlist lil ftit minna mill-jasar u ħallejtna ngħixu fis-sigurtà fil-post qaddis tiegħek. Alla tagħna, int għamilt dan biex tferraħna u biex nieħdu ftit tar-ruħ mill-jasar tagħna. 9 Għax għalkemm aħna lsiera, int ma tlaqtniex fil-jasar. Imma wrejtna mħabba u lealtà* u ġegħelt lir-rejiet tal-Persja juruna ħniena. Int tajtna s-saħħa biex nibnu d-dar tiegħek li kienet inqerdet u tajtna l-protezzjoni* f’Ġuda u f’Ġerusalemm.
10 “Alla tagħna, x’nistgħu ngħidu wara dan kollu? Għax aħna tlaqna l-kmandamenti tiegħek 11 li tajtna permezz tal-qaddejja tiegħek il-profeti, u għedtilna: ‘L-art li se tidħlu fiha biex tiħduha hi mniġġsa bin-nuqqas taʼ ndafa tan-nies tal-pajjiżi minħabba l-prattiki moqżieża li mlewha bihom minn tarf sa tarf. 12 Għalhekk, iżżewġux it-tfal tagħkom lit-tfal tagħhom. Tgħinuhomx biex ikollhom il-paċi u l-ġid, ħalli intom tissaħħu, tieklu l-prodott tajjeb tal-art, u tiħduha bħala wirt għat-tfal tagħkom għal dejjem.’ 13 Minkejja dak kollu li ġie fuqna minħabba l-affarijiet ħżiena li għamilna u l-ħtija kbira tagħna, int, l-Alla tagħna, ikkunsidrajt l-iżball tagħna inqas milli kien, u ħallejtna naħarbu. 14 Allura wara dan kollu, sejrin aħna nerġgħu niksru l-kmandamenti tiegħek u niżżewġu lin-nies tal-popli li jagħmlu dawn l-affarijiet moqżieża? Kieku int żgur li tirrabja ħafna magħna u teqridna għalkollox. 15 Ġeħova l-Alla t’Iżrael, int ġust, għax ftit minna għadna ħajjin sal-lum. Issa aħna qegħdin quddiemek bħala midinbin,* għalkemm m’għandniex dritt li noqogħdu quddiemek minħabba dak li għamilna.”