Neħemija
13 Dakinhar inqara l-ktieb taʼ Mosè quddiem il-poplu, u fih kien hemm miktub li ebda wieħed mill-Għammonin u l-Mowabin ma kellu jidħol fil-kongregazzjoni tal-Alla l-veru. 2 Dan kien għax ma tawx ħobż u ilma lill-Iżraelin, imma minflok krew lil Balgħam biex jisħithom. Minkejja dan, l-Alla tagħna biddel is-saħta f’barka. 3 Hekk kif semgħu l-Liġi, l-Iżraelin bdew jifirdu minn magħhom lill-barranin.*
4 Qabel dan, il-qassis li kien jieħu ħsieb l-imħażen tad-dar* tal-Alla tagħna kien Eljasib li jiġi minn Tobija. 5 Hu ta lil Tobija kamra* kbira fejn qabel kienu jinżammu l-offerta taċ-ċereali,* l-inċens abjad, l-għodod, u l-għaxra fil-100* taċ-ċereali, l-inbid ġdid, u ż-żejt li kellhom jingħataw lil-Leviti, lill-kantanti, u lill-għassiesa tal-bibien, flimkien mal-kontribuzzjoni għall-qassisin.
6 Matul dan iż-żmien kollu, jien ma kontx Ġerusalemm għax kont mort lura għand ir-Re Artaserse taʼ Babilonja fit-32 sena tat-tmexxija tiegħu. Xi żmien wara tlabtu permess biex immur lura Ġerusalemm. 7 Imbagħad wasalt Ġerusalemm u rajt li dak li għamel Eljasib għal Tobija kien ħażin ħafna. Hu kien tah kamra fejn jinżammu l-affarijiet fil-bitħa tad-dar tal-Alla l-veru. 8 Din il-ħaġa dejqitni ħafna, għalhekk qbadt l-għamara kollha taʼ Tobija u tfajthielu ’l barra. 9 Wara, jien tajt kmand biex il-kmamar fejn jinżammu l-affarijiet* jitnaddfu b’mod ċerimonjali, u hekk sar. Imbagħad erġajt poġġejt l-għodod tad-dar tal-Alla l-veru, l-offerta taċ-ċereali, u l-inċens abjad.
10 Sirt naf ukoll li s-sehem tal-Leviti ma kienx qed jingħatalhom. Għalhekk, il-Leviti u l-kantanti li kienu jagħmlu x-xogħol telqu fl-għelieqi tagħhom. 11 B’hekk irrabjajt mal-uffiċjali u għedtilhom: “Għala ġiet ittraskurata d-dar tal-Alla l-veru?” Imbagħad ġbart lil dawk li kienu telqu u inkarigajthom fuq xogħolhom. 12 U n-nies taʼ Ġuda kollha ġabu l-għaxra fil-100 taċ-ċereali, tal-inbid ġdid, u taż-żejt fil-kmamar fejn jinżammu l-affarijiet. 13 Imbagħad, biex jieħdu ħsieb il-kmamar fejn jinżammu l-affarijiet, qabbadt lil Selemija l-qassis, Sadok li jikkopja l-Iskrittura,* u Pedaja l-Levita. Ħanan bin Żakkur u n-neputi taʼ Mattanija kien l-assistent tagħhom, għax dawn l-irġiel kienu jitqiesu taʼ min joqgħod fuqhom. Kienet ir-responsabbiltà tagħhom li jqassmu l-affarijiet lil ħuthom.
14 Alla tiegħi, ftakar fija u tinsiex l-affarijiet li għamilt bi mħabba u lealtà* għad-dar tiegħek u għal dak li jsir fiha.
15 F’dak iż-żmien, rajt nies f’Ġuda jagħmlu l-inbid* fis-Sabat, idaħħlu ċ-ċereali u jgħabbuh fuq il-ħmir, idaħħlu l-inbid, l-għeneb, it-tin, u kull tip taʼ prodott ieħor f’jum is-Sabat. Għalhekk wissejthom biex ma jbigħu xejn dakinhar.* 16 U xi nies taʼ Tir li joqogħdu fil-belt kienu qed idaħħlu l-ħut u kull tip taʼ prodott ieħor biex ibigħuhom lin-nies taʼ Ġuda u Ġerusalemm fis-Sabat. 17 Għalhekk, irrabjajt man-nies importanti taʼ Ġuda u għedtilhom: “X’inhi din il-ħaġa ħażina ħafna li qed tagħmlu? Intom qed tiksru l-liġi tas-Sabat. 18 Mhux hekk għamlu missirijietkom? Kien minħabba dan li Alla kkastiga lilna u lil din il-belt. U issa qed tiksru l-liġi tas-Sabat. Jaqaw tridu li Alla jirrabja saħansitra iktar m’Iżrael?”
19 Jien tajt kmand biex il-bibien taʼ Ġerusalemm jingħalqu qabel ma jidlam, jiġifieri qabel ma jibda s-Sabat. Ukoll għedtilhom li m’għandhomx jiftħuhom sakemm jispiċċa s-Sabat. Jien qegħedt xi qaddejja tiegħi ħdejn il-bibien ħalli ma jiddaħħal ebda prodott f’jum is-Sabat. 20 Għalhekk, in-negozjanti u l-bejjiegħa taʼ kull tip taʼ prodott qattgħu l-lejl barra Ġerusalemm għal darba jew tnejn. 21 Imbagħad wissejthom u għedtilhom: “Għala qed tqattgħu l-lejl quddiem is-sur? Jekk terġgħu tagħmluha, inkeċċikom bil-forza.” Minn dakinhar ma reġgħux ġew fis-Sabat.
22 U għedt lil-Leviti li għandhom jibqgħu nodfa b’mod ċerimonjali, u joqogħdu għassa mal-bibien biex iżommu jum is-Sabat qaddis. Alla tiegħi, ftakar fija għal din il-ħaġa wkoll u ħenn għalija għax int turi ħafna mħabba u lealtà.
23 F’dak iż-żmien, sirt naf ukoll li xi Lhud iżżewġu* nisa Asdodin, Għammonin, u Mowabin. 24 Nofs it-tfal tagħhom kienu jitkellmu bl-Asdodi u n-nofs l-ieħor b’lingwi oħra. Imma ħadd minnhom ma kien jaf jitkellem bil-lingwa tal-Lhud. 25 Għalhekk irrabjajt magħhom, sħitthom, sawwatt lil xi rġiel minnhom, u ġbidtilhom xagħarhom.* Imbagħad ġegħelthom jaħilfu b’Alla li mhux se jżewġu lill-bniet tagħhom lill-barranin u lanqas ma jieħdu bniet taʼ nies barranin biex jiżżewġuhom huma jew is-subien tagħhom. 26 Imbagħad għedtilhom: “Kien minħabba nisa bħal dawn li r-Re Salamun t’Iżrael dineb. Fost il-popli kollha ma kienx hemm re bħalu. L-Alla tiegħu kien iħobbu, u għalhekk għamlu re fuq Iżrael kollu. Imma anki hu dineb minħabba n-nisa barranin li kellu. 27 Ma nistax nemmen li għamiltu dan il-ħażen hekk kbir billi żżewwiġtu nisa barranin u ma kontux leali lejn l-Alla tagħna.”
28 Wieħed mit-tfal ta’ Ġojada bin Eljasib il-qassis il-kbir kien iżżewweġ it-tifla taʼ Sanballat il-Ħoroni. Għalhekk, keċċejtu minn quddiemi.
29 Alla tiegħi, ftakar fihom u kkastigahom għax huma niġġsu s-servizz tal-qassisin u kisru* l-patt tiegħek mal-qassisin u l-Leviti.
30 Jien naddafthom b’mod ċerimonjali billi ħlisthom minn kull tip taʼ influwenza ħażina taʼ nies barranin, u lill-qassisin u l-Leviti inkarigajthom fuq xogħolhom. 31 U għamilt arranġamenti biex jinġieb l-injam fil-ħin u biex jinġieb l-ewwel prodott.
Alla tiegħi, ftakar fija u berikni.