Neħemija
8 In-nies kollha nġabru b’fehma waħda fil-pjazza taʼ quddiem Bieb l-Ilma, u qalu lil Esdra li kien jikkopja l-Iskrittura* biex iġib il-ktieb tal-liġi taʼ Mosè, li Ġeħova kien ta lill-Iżraelin. 2 Għalhekk, Esdra l-qassis ħa l-Liġi biex jaqraha quddiem il-kongregazzjoni taʼ rġiel, nisa, u dawk kollha li setgħu jifhmu. Dan għamlu fl-ewwel ġurnata tas-sebaʼ xahar. 3 Hu qraha b’leħen għoli lil dawk miġburin fil-pjazza taʼ quddiem Bieb l-Ilma, minn xħin sebaħ sa nofsinhar. Huma qagħdu attenti waqt li hu qara mill-ktieb tal-Liġi. 4 U Esdra li kien jikkopja l-Iskrittura* kien qiegħed fuq palk tal-injam, li għamluh apposta għal din il-laqgħa. Ħdejh fuq il-lemin kien hemm Mattitija, Sema, Għanaja, Urija, Ħilkija, u Magħseja. U fuq ix-xellug kien hemm Pedaja, Misael, Malkija, Ħasum, Ħas-baddana, Żakkarija, u Mesullam.
5 Esdra fetaħ il-ktieb u n-nies kollha setgħu jarawh peress li kien qiegħed iktar fl-għoli minnhom. Xħin fetħu, kulħadd qam bilwieqfa. 6 Imbagħad Esdra faħħar lil Ġeħova, l-Alla l-kbir u veru, u n-nies qalu, “Ammen!* Ammen!” u għollew idejhom ’il fuq. Imbagħad mielu u nxteħtu b’wiċċhom lejn l-art quddiem Ġeħova. 7 U Ġeswa, Bani, Serebija, Ġamin, Għakkub, Sabbetaj, Ħodija, Magħseja, Kelita, Għażarija, Ġożabad, Ħanan, u Pelaja, li kienu Leviti, kienu qed jispjegaw il-Liġi lin-nies, li kienu għadhom bilwieqfa. 8 Huma komplew jaqraw b’leħen għoli mill-ktieb tal-Liġi t’Alla, u jispjegaw ċar u tond xi jfisser il-kliem. Għalhekk għenu lin-nies jifhmu dak li kien qed jinqara.
9 U Neħemija l-gvernatur,* Esdra l-qassis li kien jikkopja l-Iskrittura,* u l-Leviti li kienu qed jgħallmu lin-nies, qalu lin-nies kollha: “Dan hu jum qaddis għal Ġeħova l-Alla tagħkom. Tagħmlux dwejjaq u tibkux.” Għax in-nies kollha kienu qed jibku hekk kif semgħu l-kliem tal-Liġi. 10 Neħemija qalilhom: “Morru, kulu l-aqwa ikel u ixorbu xorb ħelu, u ibagħtu xi ikel lil dawk li m’għandhom xejn lest, għax dan hu jum qaddis għall-Mulej tagħna. Tkunux imdejqin, għax il-ferħ li Ġeħova jagħti hu l-fortizza* tagħkom.” 11 U l-Leviti kienu qed jikkalmaw lin-nies u jgħidulhom: “Tibkux! Għax dan hu jum qaddis, u tkunux imdejqin.” 12 Għalhekk, in-nies kollha telqu jieklu u jixorbu, u bagħtu xi ikel lil oħrajn u komplew jifirħu bil-kbir, għax kienu fehmu l-kliem li ġie spjegat lilhom.
13 U fit-tieni jum, il-kapijiet tal-familji min-naħa tal-missier, il-qassisin, u l-Leviti ltaqgħu maʼ Esdra li kien jikkopja l-Iskrittura,* biex jifhmu iktar il-kliem tal-Liġi. 14 Imbagħad fil-Liġi sabu li Ġeħova kien ikkmanda permezz taʼ Mosè li l-Iżraelin għandhom joqogħdu fl-għerejjex* matul il-festa fis-sebaʼ xahar. 15 Barra minn hekk, huma għandhom imorru fil-bliet kollha u f’Ġerusalemm jikkmandaw lin-nies biex joħorġu fil-muntanji u jġibu friegħi bil-weraq tas-siġar taż-żebbuġ, tal-arżnu, tar-riħan, tal-palm, u taʼ siġar oħra biex jagħmlu l-għerejjex, skont dak li hemm miktub.
16 Għalhekk, in-nies ħarġu u ġabu magħhom il-friegħi biex jagħmlu l-għerejjex, kull wieħed fuq il-bejt tiegħu, fil-btieħi tagħhom, fil-btieħi tad-dar tal-Alla l-veru, fil-pjazza taʼ Bieb l-Ilma, u fil-pjazza taʼ Bieb Efrajm. 17 B’hekk, dawk kollha fil-kongregazzjoni li kienu ġew lura mill-jasar għamlu l-għerejjex u bdew joqogħdu fihom. L-Iżraelin kien ilhom ma jiċċelebraw il-festa b’dan il-mod minn żmien Ġożwè bin Nun, u għalhekk kien hemm ferħ kbir ħafna. 18 Mill-ewwel sal-aħħar ġurnata kien jinqara l-ktieb tal-Liġi tal-Alla l-veru. Huma ċċelebraw il-festa għal sebat ijiem. U fit-tmien jum kien hemm assemblea speċjali, bħalma kienet titlob il-Liġi.