Levitiku
17 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 2 “Kellem lil Aron, lit-tfal tiegħu, u lill-Iżraelin kollha u għidilhom, ‘Dan hu li kkmanda Ġeħova:
3 “‘“Iżraeli m’għandux joqtol xi baqar, nagħaġ, jew mogħoż fejn hemm il-kampijiet jew ’il barra mill-kampijiet. 4 Minflok irid jiħodhom fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa biex jippreżentahom bħala offerta lil Ġeħova quddiem it-tabernaklu taʼ Ġeħova. Jekk ma jagħmilx hekk, dan ir-raġel ikun ikkunsidrat ħati għax ma jkunx qatel l-annimal kif suppost, u għalhekk irid jiġi maqtul.* 5 Dan sabiex is-sagrifiċċji li issa l-Iżraelin qed joffru fil-kampanja, jiħduhom lil Ġeħova fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa għand il-qassis. Huma jridu joffruhom bħala sagrifiċċji tal-paċi għal Ġeħova. 6 U l-qassis iroxx id-demm fuq l-artal taʼ Ġeħova fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa, u jaħraq ix-xaħam bħala riħa pjaċevoli* għal Ġeħova. 7 Għalhekk, m’għandhomx jibqgħu joffru s-sagrifiċċji tagħhom lid-demonji li qishom mogħoż,* li qed jipprostitwixxu ruħhom magħhom billi jqimuhom. Dan iservi bħala liġi għalikom għal żmien twil, matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom.”’
8 “U għandek tgħidilhom, ‘Kull raġel mid-dar t’Iżrael jew barrani li qed jgħix f’nofskom u li joffri offerta tal-ħruq jew sagrifiċċju 9 u ma jġibux fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa biex joffrih lil Ġeħova, irid jiġi maqtul.*
10 “‘Jekk xi raġel mid-dar t’Iżrael jew xi barrani li qed jgħix f’nofskom jiekol kwalunkwe tip taʼ demm, jien żgur li niċħdu u noqtlu.* 11 Għax il-ħajja* hi fid-demm, u jien stess tajthulkom għal fuq l-artal biex tagħmlu tpattija għalikom,* għaliex huwa d-demm, bil-ħajja fih, li jagħmel tpattija. 12 Kien għalhekk li għedt lill-Iżraelin: “Ħadd minnkom m’għandu jiekol id-demm, u ebda barrani li qed jgħix f’nofskom m’għandu jiekol id-demm.”
13 “‘Jekk xi Iżraeli jew barrani li qed jgħix f’nofskom ikun għall-kaċċa u jaqbad annimal salvaġġ jew għasfur li jistaʼ jittiekel, irid iferraʼ demmu u jgħattih bit-trab. 14 Għax il-ħajja* taʼ kull tip taʼ ħliqa hi demmu, il-ħajja qiegħda fih. Għalhekk għedt lill-Iżraelin: “M’għandkomx tieklu d-demm taʼ xi ħliqa, għaliex il-ħajja taʼ kull tip taʼ ħliqa hi demmu. Kull min jieklu jiġi maqtul.”* 15 Jekk xi ħadd, sew jekk twieled fil-pajjiż u sew jekk barrani, jiekol minn annimal li jkun diġà mejjet jew wieħed li ġie mqattaʼ minn annimal salvaġġ, irid jaħsel ħwejġu, jinħasel fl-ilma, u ma jkunx nadif sa filgħaxija. Imbagħad hu jkun nadif. 16 Imma jekk ma jaħsilhomx u ma jinħasilx, hu jbati l-konsegwenzi tal-iżball tiegħu.’”