Ġenesi
9 Alla bierek lil Noè u lit-tfal tiegħu u qalilhom: “Ħa jkollkom it-tfal u siru ħafna u imlew l-art. 2 Il-ħlejjaq ħajjin kollha tal-art, il-ħlejjaq kollha li jtiru fis-sema, kulma jiċċaqlaq fuq l-art, u l-ħut kollu tal-baħar se jkomplu jibżgħu u jitwerwru minnkom. F’idejkom inħallihom.* 3 Kull annimal ħaj li jiċċaqlaq tistgħu tikluh. Bħalma tajtkom il-ħaxix aħdar, nagħtikom dawn ukoll. 4 Imma la tiklux laħam bil-ħajja* fih, jiġifieri b’demmu. 5 Minbarra dan, jien se nikkastiga lil kull min ixerred id-demm tagħkom, li hu ħajjitkom. Jekk joqtolkom xi annimal, dan għandu jinqatel. U kull min joqtol lil ħuh, jien se nikkastigah. 6 Kull min joqtol lil xi ħadd,* jiġi maqtul, għax Alla għamel lill-bniedem fuq ix-xbieha tiegħu. 7 U Alla żied: Ħa jkollkom it-tfal u siru ħafna, u imlew l-art.”
8 Imbagħad Alla qal lil Noè u lit-tfal tiegħu: 9 “Jien qed nagħmel il-patt tiegħi magħkom u ma’ dawk li se jiġu minnkom, 10 u maʼ kull ħliqa ħajja li ħarġet magħkom mill-arka, jiġifieri l-għasafar, l-annimali, u l-ħlejjaq ħajjin kollha tal-art, kull ħliqa ħajja tal-art. 11 Iva, nagħmel il-patt tiegħi magħkom: Qatt iktar ma jinqerdu l-bnedmin u l-annimali kollha* bl-ilmijiet taʼ xi dulluvju, u qatt iktar ma jseħħ dulluvju biex l-art issir ħerba.”
12 U Alla żied: “Dan hu s-sinjal tal-patt li qed nagħmel bejni u bejnkom u bejn kull ħliqa ħajja li qiegħda magħkom, għall-ġenerazzjonijiet kollha tal-futur. 13 Inqiegħed il-qawsalla tiegħi fis-sħab, u sservi bħala sinjal tal-patt bejni u bejn l-art. 14 Kull darba li nġib is-sħab fuq l-art, il-qawsalla żgur li tidher fis-sħab. 15 U jien żgur li niftakar fil-patt tiegħi li għamilt bejni u bejnkom u bejn kull ħliqa ħajja taʼ kull tip;* u l-ilmijiet qatt iktar mhu se jsiru dulluvju biex jeqirdu l-bnedmin u l-annimali kollha. 16 U meta l-qawsalla tidher fis-sħab, jien żgur naraha u niftakar fil-patt għal dejjem bejni u bejn kull bniedem u annimal* fuq l-art.”
17 Alla reġaʼ qal lil Noè: “Dan hu s-sinjal tal-patt li qed nagħmel bejni u bejn il-bnedmin u l-annimali kollha li hemm fuq l-art.”
18 It-tfal taʼ Noè li ħarġu mill-arka kienu Sem, Ħam, u Ġafet. Iktar tard, Ħam kellu lil Kangħan. 19 Dawn it-tlieta kienu t-tfal taʼ Noè, u minnhom ġiet il-popolazzjoni li nfirxet mal-art kollha.
20 Issa Noè beda jaħdem l-art u ħawwel għalqa bid-dwieli. 21 Meta xorob mill-inbid, hu siker u mtedd għarwien fit-tinda tiegħu. 22 Ħam, missier Kangħan, ra lil missieru għarwien* u qal liż-żewġ ħutu li kienu barra. 23 Għalhekk, Sem u Ġafet ħadu libsa u qegħduha fuq spallejhom u daħlu jimxu b’lura. B’hekk, għattew lil missierhom waqt li wiċċhom kien imdawwar in-naħa l-oħra, u ma rawx lil missierhom għarwien.
24 Meta Noè ġie f’sensih mill-inbid li xorob u qam u sar jaf x’kien għamillu ibnu ż-żgħir, 25 qal:
“Misħut ikun Kangħan.
Ħa jsir l-ilsir tal-ilsiera taʼ ħutu.”
26 U żied jgħid:
“Ħa jkun imfaħħar Ġeħova, l-Alla taʼ Sem,
U ħa jsir Kangħan ilsir tiegħu.
27 Ħa jagħti Alla ħafna artijiet lil Ġafet,
U ħa jgħix fit-tined taʼ Sem.
Ħa jsir Kangħan ilsir tiegħu wkoll.”
28 Noè għex 350 sena oħra wara d-Dulluvju. 29 Mela b’kollox Noè għex 950 sena, u miet.