Isaija
43 Ġakobb, Ġeħova hu l-Ħallieq tiegħek,
Iżrael, hu l-Wieħed li għamlek.
Hu jgħid: “Tibżax, għax jien xtrajtek lura.
Jien għajjattlek b’ismek.
Int tiegħi.
2 Meta tgħaddi mill-ilmijiet, jien se nkun miegħek,
Meta tgħaddi mix-xmajjar, dawn mhux se jgħerrquk.
Meta tgħaddi min-nar, mhux se tinħaraq,
U l-fjamma mhux se xxawtek.
3 Għax jien Ġeħova l-Alla tiegħek,
Il-Qaddis t’Iżrael, Dak li Jsalvak.
Jien tajt l-Eġittu, l-Etjopja, u lil Seba
Bħala fidwa* għalik.
4 Għax int prezzjuż għalija,
Ġejt onorat, u jien inħobbok.
Allura se nagħti popli minflokok
U ġnus biex insalva lil ħajtek.
5 “Tibżax, għax jien miegħek.
Jien se nġib lit-tfal tiegħek mil-Lvant
U niġborkom flimkien mill-Punent.
6 Jien se ngħid lit-Tramuntana, ‘Ġibhom!’
U lin-Nofsinhar, ‘Iżżommhomx lura.
Ġib lit-tfal subien tiegħi mill-bogħod, u lit-tfal bniet tiegħi minn truf l-art,
7 Lil kull min jissejjaħ b’ismi
U lil kull min ħlaqt għall-glorja tiegħi stess,
Li lilu għamilt.’
8 Oħroġ il-poplu li għalkemm għandu għajnejn, ma jarax,
U għalkemm għandu widnejn, ma jismax.
9 Ħa jinġabru f’post wieħed il-ġnus kollha,
U l-popli flimkien.
Min fosthom jistaʼ jgħid l-affarijiet li se jiġru?
Jew isemmgħulna l-ewwel affarijiet?*
Ħa jagħtu x-xhieda tagħhom biex juru li għandhom raġun,
Jew ħa jisimgħu u jgħidu, ‘Dan hu veru!’”
10 Ġeħova jgħid: “Intom ix-xhieda tiegħi,
Iva, il-qaddej tiegħi li jien għażilt,
Sabiex tkunu tafuni u tafdawni,*
U tifhmu li jien l-istess Wieħed.
Qabli ma kien hemm ebda Alla ieħor,
U warajja mhu se jkun hemm ħadd.
11 Jien Ġeħova, u jien biss nistaʼ nsalva lil ħaddieħor.”
12 Ġeħova jgħid: “Jien il-Wieħed li għedt dak li se jiġri, li salvajtkom, u li għamilt dan magħruf
Meta ma kien hemm ebda alla barrani fostkom.
Intom ix-xhieda tiegħi, u jien l-Alla l-veru.
13 Ukoll, jien dejjem l-istess Wieħed;
Ħadd ma jistaʼ jiħodli xejn minn idi.
Meta naġixxi, ħadd ma jistaʼ jfixkilni.”
14 Hekk jgħid Ġeħova, Dak li Jixtrikom Lura, il-Qaddis t’Iżrael:
“Minħabba fikom se nibgħat armata f’Babilonja u nwaqqaʼ l-istaneg kollha tal-bibien,
U l-Kaldin, li jkunu fuq il-vapuri tagħhom, se jgħajtu minħabba d-dwejjaq li jkollhom.
15 Jien Ġeħova, il-Qaddis tagħkom, Dak li Ħalaq lil Iżrael, ir-Re tagħkom.”
16 Ġeħova hu l-Wieħed li għamel triq fil-baħar
U passaġġ minkejja li kien hemm ilmijiet qawwijin.
17 Hu l-Wieħed li ġiegħel joħroġ il-karru tal-gwerra u ż-żiemel,
U l-armata mal-gwerriera b’saħħithom.
Hu jgħid: “Huma se jimteddu u ma jqumux.
Se jispiċċaw fix-xejn bħalma tintefa ftila.”
18 “Tiftakrux l-affarijiet taʼ qabel,
U toqogħdux thewdnu fuq il-passat.
19 Jien qed nagħmel xi ħaġa ġdida;
Anki issa qed tidher.
M’intomx tagħrfuha?
Se nagħmel triq fix-xagħri
U xmajjar fid-deżert.
20 L-annimali slavaġ, il-klieb slavaġ,
U n-ngħam* se jonorawni,
Għax jien nipprovdi ilma fix-xagħri
U xmajjar fid-deżert.
Dan għamiltu biex jixrob minnhom il-poplu li jien għażilt,
21 Il-poplu li għamilt għalija nnifsi
Ħalli jkun jistaʼ jfaħħarni.
22 Imma int ma tlabtx lili biex ngħinek, Ġakobb,
Għax xbajt minni, Iżrael.
23 Int ma ġibtlix nagħaġ għall-offerti sħaħ tal-ħruq,
U lanqas ma gglorifikajtni bis-sagrifiċċji tiegħek.
Jien ma ġegħeltekx iġġibli rigal,
U lanqas dejjaqtek billi tlabtek inċens abjad.
24 Ma xtrajtlix qasba aromatika,
U ma ssodisfajtnix bix-xaħam tas-sagrifiċċji tiegħek.
Minflok, int taqqaltni bid-dnubiet tiegħek
U għejjejtni bl-iżbalji tiegħek.
25 Jien il-Wieħed li qed inħassar għalkollox in-nuqqasijiet* tiegħek minħabba ismi stess,
U mhux se niftakar id-dnubiet tiegħek.
26 Ejja nġibu l-każ tagħna kontra xulxin; jekk insejt xi ħaġa, fakkarni;
Għidli l-verżjoni tiegħek biex turi li għandek raġun.
28 Għalhekk, se niddiżonora l-kapijiet tat-tempju.
Jien se nagħti lil Ġakobb biex jinqered
U nġiegħel lil Iżrael jiġi mgħajjar.