It-Tieni Ktieb tas-Slaten
20 Dak iż-żmien, Ħeżekija marad u kien wasal biex imut. Il-profeta Isaija bin Għamoż daħal ħdejh u qallu, “Hekk jgħid Ġeħova: ‘Agħti istruzzjonijiet lil taʼ darek, għax se tmut; mhux se jgħaddilek.’” 2 Għalhekk, dar wiċċu mal-ħajt u beda jitlob lil Ġeħova: 3 “Nitolbok bil-ħniena Ġeħova, jekk jogħġbok ftakar kif jien imxejt quddiemek lealment u b’qalb sħiħa, u għamilt dak li hu tajjeb f’għajnejk.” U Ħeżekija beka fuq li beka.
4 Isaija lanqas laħaq ħareġ fil-bitħa tan-nofs meta Ġeħova qallu: 5 “Erġaʼ lura u għid lil Ħeżekija l-mexxej tal-poplu tiegħi, ‘Hekk jgħid Ġeħova l-Alla tal-antenat tiegħek David: “Jien smajt it-talba tiegħek u rajt id-dmugħ tiegħek. Jien se nfejqek. Fit-tielet jum se titlaʼ fid-dar taʼ Ġeħova. 6 Jien inżidlek 15-il sena oħra maʼ ħajtek, u neħles lilek u lil din il-belt minn idejn ir-re tal-Assirja, u niddefendi lil din il-belt minħabba fija stess u minħabba l-qaddej tiegħi David.”’”
7 Imbagħad Isaija qal: “Ġibu ċappa tin niexef u ppressat.” Għalhekk, ħaduha u dellkuha fuq il-musmar tiegħu, u wara beda jfiq bil-mod.
8 Ħeżekija kien staqsa lil Isaija: “X’inhu s-sinjal li juri li Ġeħova se jfejjaqni u li fit-tielet jum se nitlaʼ fid-dar taʼ Ġeħova?” 9 Isaija wieġeb: “Dan hu s-sinjal mingħand Ġeħova biex jurik li Ġeħova se jagħmel dak li qal: Trid li d-dell fuq it-taraġ* jimxi għaxar tarġiet ’il quddiem jew għaxar tarġiet lura?” 10 Ħeżekija qal: “Hi ħaġa ħafifa li d-dell jimxi għaxar tarġiet ’il quddiem, imma mhux li jmur għaxar tarġiet lura.” 11 Għalhekk il-profeta Isaija għajjat lil Ġeħova, u Hu mexxa d-dell lura għaxar tarġiet fuq it-taraġ t’Aħaż.
12 Dak iż-żmien ir-re taʼ Babilonja, Berodak-baladan bin Baladan, bagħat xi ittri u rigal lil Ħeżekija għax kien semaʼ li Ħeżekija kien marad. 13 Ħeżekija laqaʼ* lill-messaġġiera u wriehom it-teżori kollha tiegħu: il-fidda, id-deheb, iż-żejt tal-balzmu u żejt prezzjuż ieħor, l-armi, u kulma kien hemm. Hu wriehom kulma kellu fil-palazz u fis-saltna kollha tiegħu.
14 Imbagħad il-profeta Isaija mar għand ir-Re Ħeżekija u staqsieh: “X’qalu dawn l-irġiel u minn fejn ġew?” U Ħeżekija qallu: “Ġew mill-bogħod, minn Babilonja.” 15 Wara staqsieh: “X’raw fil-palazz tiegħek?” Ħeżekija wieġbu: “Kollox raw. Ma kien hemm xejn li ma wrejthomx mill-post fejn jinżammu t-teżori.”
16 Imbagħad Isaija qal lil Ħeżekija: “Ismaʼ dak li jgħid Ġeħova, 17 ‘Għad jiġi ż-żmien li kulma hemm fil-palazz tiegħek u kulma ħażnu missirijietek sal-lum se jinġarr lejn Babilonja. Xejn ma jitħalla,ʼ jgħid Ġeħova. 18 ‘U xi tfal li se jkollok jittieħdu u jsiru uffiċjali tal-palazz tar-re taʼ Babilonja.’”
19 Għal dan Ħeżekija qal lil Isaija: “Dak li qal Ġeħova permezz tiegħek hu tajjeb.” Imbagħad żied: “Jien grat li se jkun hemm il-paċi u s-sigurtà* fi żmieni.”
20 Il-bqija tal-istorja taʼ Ħeżekija, il-qawwa kollha tiegħu, u kif għamel l-għadira u l-kanal u daħħal l-ilma fil-belt huma miktubin fil-ktieb tal-istorja taʼ żmien ir-rejiet taʼ Ġuda. 21 Imbagħad Ħeżekija miet, u ibnu Manasse sar re minfloku.