Ester
2 Wara dan, meta r-Re Aħasweru ma baqax daqshekk irrabjat, hu ħaseb dwar x’għamlet Vasti u x’kien iddeċieda li jagħmel biex jikkastigaha. 2 Imbagħad il-qaddejja personali tar-re qalulu: “Ibgħat xi rġiel biex ifittxu tfajliet verġni sbieħ għalik. 3 Inkariga uffiċjali fil-provinċji* tas-saltna tiegħek biex jiġbru t-tfajliet verġni sbieħ fil-palazz* taʼ Susan,* fid-dar tan-nisa.* Jistaʼ jieħu ħsiebhom Ħegaj, l-ewnuku* tiegħek li hu responsabbli tan-nisa, u dawn jingħatawlhom trattamenti taʼ sbuħija.* 4 U t-tfajla li togħġbok l-iktar issir reġina minflok Vasti.” Ir-re għoġbu s-suġġeriment, u hekk għamel.
5 Fil-palazz* taʼ Susan* kien hemm Lhudi jismu Mordekaj. Dan kien bin Ġajir, bin Simgħi, bin Kis, mit-tribù taʼ Benjamin, 6 li kien* man-nies li ttieħdu minn Ġerusalemm mar-Re Ġekonija* taʼ Ġuda, li r-Re Nebukadnessar taʼ Babilonja ħadu fl-eżilju. 7 Mordekaj kien jieħu ħsieb lil Ħadassa,* jiġifieri Ester, it-tifla taʼ ħu missieru, għax il-ġenituri tagħha kienu mietu. It-tfajla kienet gustuża u kellha figura sabiħa, u meta mietu l-ġenituri tagħha, Mordekaj beda jieħu ħsiebha qisha t-tifla tiegħu. 8 Fi qbil mal-liġi tar-re, ħafna tfajliet ittieħdu fil-palazz* taʼ Susan* u ħa ħsiebhom Ħegaj, li kien responsabbli tan-nisa. Ester kienet waħda minn dawn it-tfajliet li ttieħdu fil-palazz tar-re.
9 It-tfajla għoġbitu lil Ħegaj u rebħet l-approvazzjoni* tiegħu. Għalhekk hu mill-ewwel għamel arranġamenti għat-trattamenti tas-sbuħija* u d-dieta tagħha. Hu għażel sebaʼ tfajliet mill-palazz tar-re biex jaqdu lil Ester. Ukoll, hu ħa lilha u l-qaddejja tfajliet tagħha fl-aħjar post li kien hemm fid-dar tan-nisa.* 10 Ester ma qalet xejn dwar il-poplu jew il-qraba tagħha, għax Mordekaj kien qalilha biex ma tgħid lil ħadd. 11 Ġurnata wara oħra, Mordekaj kien jimxi quddiem il-bitħa tad-dar tan-nisa biex ikun jaf kif inhi Ester u x’kien qed jiġri.
12 Kull tfajla kien imissha tidħol quddiem ir-Re Aħasweru wara 12-il xahar taʼ trattamenti tas-sbuħija.* Għat-trattament tas-sbuħija* huma kellhom jagħmlu sitt xhur biż-żejt tal-mirra u sitt xhur biż-żejt tal-balzmu u dlik ieħor. 13 Imbagħad it-tfajla tkun lesta biex tmur għand ir-re. Dakinhar li tmur mid-dar tan-nisa* għall-palazz tar-re, kien jingħatalha kulma titlob. 14 Kienet tidħol filgħaxija, u filgħodu kienet tmur fit-tieni dar tan-nisa.* Hemmhekk, it-tfajliet kien jieħu ħsiebhom Sagħasgaż, l-ewnuku tar-re li kien responsabbli tal-konkubini. It-tfajla ma kinitx terġaʼ tmur għand ir-re sakemm ma tkunx laqtitu b’mod speċjali u jkun staqsa għaliha b’isimha.
15 Issa kien imiss lil Ester biex tidħol għand ir-re. Din kienet it-tifla taʼ Abiħajl, iz-ziju taʼ Mordekaj li kien qed jieħu ħsiebha. Imma hi ma talbet xejn ħlief dak li ssuġġerielha Ħegaj, l-ewnuku tar-re li kien responsabbli tan-nisa. (Sadanittant Ester kienet qed tirbaħ l-approvazzjoni taʼ kull min jaraha). 16 Ester ittieħdet fil-palazz tar-Re Aħasweru fl-għaxar xahar, jiġifieri fix-xahar taʼ Tebet,* fis-sebaʼ sena tat-tmexxija tiegħu. 17 U r-re sar iħobb lil Ester iżjed min-nisa l-oħrajn kollha, u hi rebħet l-approvazzjoni* tiegħu iktar minn kull tfajla verġni oħra. Għalhekk, hu libbisha t-turban irjali* u għamilha reġina minflok Vasti. 18 Ir-re għamel ikla kbira għal Ester u stieden lill-mexxejja u l-uffiċjali kollha tiegħu. Hu ħabbar ħelsien* għall-provinċji, u kompla jagħti rigali li r-re biss kien jiflaħ jagħti.
19 Issa meta t-tfajliet verġni ġew miġburin flimkien għat-tieni darba, Mordekaj kien bilqiegħda fil-bieb tal-palazz tar-re.* 20 Ester ma qalet xejn dwar il-qraba u l-poplu tagħha, bħalma kien qalilha Mordekaj. Ester baqgħet tagħmel dak li qalilha Mordekaj, l-istess bħal meta kien jieħu ħsiebha.
21 Fiż-żmien li Mordekaj kien joqgħod bilqiegħda fil-bieb tal-palazz tar-re, Bigtan u Teres, żewġ uffiċjali tal-palazz tar-re li kienu għassiesa tal-bibien, kienu rrabjati u bdew jippjanaw biex joqtlu* lir-Re Aħasweru. 22 Imma Mordekaj sar jaf b’dan, u qal lir-Reġina Ester mill-ewwel. Ester imbagħad kellmet lir-re f’isem Mordekaj. 23 Għalhekk, din il-kwistjoni ġiet investigata u kkonfermata, u ż-żewġ irġiel ġew imdendlin maʼ zokk. Dan kollu ġie mniżżel quddiem ir-re fil-ktieb tal-istorja taʼ dawk iż-żminijiet.