L-Aħbar Tajba Skont Luqa
16 Imbagħad qal lid-dixxipli: “Raġel sinjur kellu qaddej li jiħodlu ħsieb id-dar* li ġie akkużat li qed iberbaqlu l-ġid tiegħu. 2 Għalhekk għajjatlu u qallu, ‘X’qed nismaʼ dwarek? Agħtini rendikont tax-xogħol li għamilt, għax ma tistax tkompli tieħu ħsieb id-dar.’ 3 Imbagħad il-qaddej qal bejnu u bejn ruħu, ‘X’se naqbad nagħmel la se jiħodli r-responsabbiltà li għandi? Jien ma niflaħx nagħżaq u nistħi nittallab. 4 Iva, naf x’nagħmel biex in-nies jilqgħuni f’darhom meta sidi jiħodli r-responsabbiltà!’ 5 Imbagħad għajjat lil kull min kellu d-dejn maʼ sidu, u lill-ewwel wieħed staqsieh, ‘Kemm għandek tagħtih?’ 6 Hu wieġbu, ‘Mitt ġarra* żejt taż-żebbuġa.’ Il-qaddej qallu, ‘Ħu l-ftehim li għandek bil-miktub, oqgħod bilqiegħda, u ikteb malajr 50.’ 7 Imbagħad staqsa lil ieħor, ‘Int kemm għandek tagħtih?’ Hu wieġbu, ‘Mitt xkora kbira* qamħ.’ Qallu, ‘Ħu l-ftehim li għandek bil-miktub u ikteb 80.’ 8 U sidu faħħru għax għalkemm ma kienx raġel sewwa, hu aġixxa b’għaqal.* Għax in-nies taʼ dan iż-żmien* iħaddmu rashom mal-ġenerazzjoni tagħhom iktar mill-qaddejja t’Alla.*
9 “Għalhekk, agħmlu ħbieb permezz tal-ġid taʼ din id-dinja inġusta, ħalli meta dan jispiċċa, il-ħbieb tagħkom jilqgħukom f’postijiet li se jibqgħu għal dejjem. 10 Min hu leali fl-inqas ħaġa se jkun leali f’affarijiet kbar ukoll, u min hu diżonest fl-inqas ħaġa se jkun diżonest f’affarijiet kbar ukoll. 11 Għalhekk, jekk ma wrejtux li intom leali fil-ġid taʼ din id-dinja inġusta, min se jafdakom b’dak li hu verament taʼ valur? 12 U jekk ma wrejtux li intom leali fl-affarijiet taʼ ħaddieħor, min se jagħtikom il-wirt li hemm lest għalikom? 13 Ħadd ma jistaʼ jkun ilsir taʼ żewġ sidien, għax jew se jobgħod lil wieħed u jħobb lill-ieħor, jew se jżomm maʼ wieħed u jmaqdar lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus.”
14 Il-Fariżej, li kienu jħobbu l-flus, kienu qed jisimgħu dan kollu u bdew jitkerrhulu. 15 Għalhekk qalilhom: “Intom tagħmlu affarijiet biex iġġiegħlu lin-nies jaħsbu li intom ġusti, imma Alla jaf x’hemm f’qalbkom. Għax dak li n-nies iqisuh importanti, għal Alla ma jiswa għal xejn.
16 “Il-Liġi taʼ Mosè u dak li kitbu l-Profeti kienu sa żmien Ġwanni. Minn dak iż-żmien, bdiet tiġi ppritkata l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla, u kull tip taʼ persuna qed tagħmel l-almu tagħha biex tidħol fis-Saltna. 17 Fil-fatt, hemm iktar ċans li s-sema u l-art jispiċċaw milli ma sseħħx parti żgħira minn ittra tal-Liġi.
18 “Kull min jiddivorzja l-mara u jiżżewweġ oħra jagħmel adulterju, u kull min jiżżewweġ mara ddivorzjata jagħmel adulterju.
19 “Kien hemm raġel sinjur li kien iħobb jilbes ħwejjeġ li jiswew il-flus,* igawdi l-ħajja, u jgħix fil-lussu. 20 Imma ħdejn il-bieb tiegħu kien jintefaʼ wieħed tallab jismu Lazzru, li kien mimli feriti. 21 Hu kien jixtieq jiekol mill-ikel li kien jaqaʼ mill-mejda tas-sinjur. Barra minn hekk, il-klieb kienu jilagħqulu l-feriti. 22 Maż-żmien, it-tallab miet u ttieħed mill-anġli ħdejn* Abraham.
“Ir-raġel sinjur ukoll miet, u ġie midfun. 23 Fil-Qabar,* hu ħares ’il fuq, waqt li kien għaddej minn tbatija kbira, u ra mill-bogħod lil Abraham u lil Lazzru ħdejh. 24 Għalhekk għajjat, ‘Missieri Abraham, ħenn għalija u ibgħat lil Lazzru biex ibill sebgħu fl-ilma u jberridli lsieni, għax qed inbati ħafna f’dan in-nar qawwi.’ 25 Imma Abraham qallu, ‘Ibni, ftakar li int gawdejt ħafna affarijiet tajbin meta kont ħaj, imma Lazzru bata ħafna. Imma issa, hu qed jiġi mfarraġ, u int qed tbati. 26 U iktar minn hekk, hawn spazju kbir li jisseparana minn xulxin. B’hekk dawn t’hawnhekk ma jistgħux jiġu hemm, u dawk t’hemm ma jistgħux jiġu hawn.’ 27 Imbagħad qal, ‘F’dan il-każ, nitolbok biex tibagħtu d-dar taʼ missieri 28 biex jagħti xhieda bir-reqqa lill-ħames ħuti subien biex b’hekk ma jispiċċawx bħali f’dan il-post taʼ tbatija.’ 29 Imma Abraham qallu, ‘Huma għandhom il-kitbiet taʼ Mosè u l-Profeti. Ħa jobdu lilhom.’ 30 Imbagħad qallu, ‘Missieri Abraham, huma mhux se jobdu lilhom. Imma jekk xi ħadd mill-mejtin imur għandhom, jindmu.’ 31 Imma hu wieġbu, ‘Jekk ma jobdux mill-kitbiet taʼ Mosè u l-Profeti, mela lanqas jekk iqum xi ħadd mill-mewt mhu se jikkonvinċihom.’”