L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel
20 Imbagħad David ħarab minn Najot f’Rama. Madankollu, hu mar għand Ġonatan u qallu: “X’għamilt jien? Xi żball għamilt, u kif dnibt kontra missierek biex qed jipprova joqtolni?” 2 Għal dan Ġonatan wieġbu: “Lanqas jgħaddili minn moħħi li jiġri hekk! Ħadd mhu se joqtlok. Missieri żgur li ma jagħmel l-ebda ħaġa, la kbira u lanqas żgħira, mingħajr ma jgħidli. Għala għandu missieri jaħbi din il-ħaġa minni? Dan mhux se jiġri.” 3 Imma David kompla jaħlef u qal: “Missierek żgur jaf li aħna ħbieb u jgħid, ‘Tħallux lil Ġonatan ikun jaf b’dan għax jirrabja.’ Imma, naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj u bik* li pass biss hemm bejni u bejn il-mewt!”
4 Imbagħad Ġonatan qal lil David: “Kulma tgħidli nagħmlu.” 5 U David qallu: “Għada qamar ġdid, u jien żgur li mistenni nkun bilqiegħda għall-ikel mar-re. Ħallini mmur u ninħeba fl-għalqa sat-tielet jum filgħaxija. 6 Jekk missierek jinduna li m’iniex hemm, għidlu, ‘David talabni bil-ħniena biex inħallih imur malajr sal-belt tiegħu Betlem, għaliex hemm isir sagrifiċċju għall-familja kollha kull sena.’ 7 Jekk iwieġeb, ‘Kollox sew,’ ikun ifisser li m’għandix għalfejn nibżaʼ. Imma jekk jirrabja, tistaʼ tkun ċert li hu determinat li jweġġagħni. 8 Urini mħabba u lealtà,* għax int għamilt patt miegħi quddiem Ġeħova. Imma jekk jien ħati, oqtolni int stess. Għala għandek tiħodni għand missierek?”
9 Għal dan Ġonatan wieġbu: “Qatt ma jgħaddili minn moħħi li nissuġġerixxi dan dwarek! Taħseb li ma ngħidlekx jekk insir naf li missieri determinat li jweġġgħek?” 10 Imbagħad David qal lil Ġonatan: “Min se jgħidli jekk missierek irrabjax?” 11 Ġonatan qallu: “Ejja noħorġu fl-għalqa.” Għalhekk, it-tnejn li huma ħarġu fl-għalqa. 12 U Ġonatan qal lil David: “Ġeħova l-Alla t’Iżrael ikun xhud li jien nara x’għandu f’moħħu missieri għada bħalissa jew fit-tielet jum. Jekk ikollu attitudni tajba lejk, jien żgur li nibgħat ngħidlek b’dan. 13 Imma jekk missieri hu determinat li jweġġgħek, jalla Ġeħova jikkastigani bl-aħrax jekk ma ngħidlekx b’dan u ma nħallikx tmur fil-paċi. Jalla Ġeħova jkun miegħek, bħalma kien maʼ missieri. 14 U jalla turini mħabba u lealtà bħalma jurini Ġeħova, sew waqt li nkun ħaj u anki meta mmut. 15 Ibqaʼ uri mħabba u lealtà maʼ dawk taʼ dari, anki meta Ġeħova jeqred l-għedewwa kollha tiegħek minn wiċċ l-art.” 16 Għalhekk, Ġonatan għamel patt mad-dar taʼ David, u qal: “Ġeħova jitlob kont mill-għedewwa taʼ David.” 17 Allura Ġonatan reġaʼ qal lil David biex jaħlef bl-imħabba li kellu lejh, għax kien iħobbu bħalma kien iħobb lilu nnifsu.*
18 Imbagħad Ġonatan qallu: “Għada qamar ġdid, u peress li l-post tiegħek ikun vojt se jindunaw li ma tkunx hemm. 19 Sat-tielet jum żgur li se jistaqsu għalik, u għandek tiġi hawn fejn staħbejt l-aħħar darba* u tibqaʼ ħdejn il-ġebla. 20 Imbagħad jien nispara tliet vleġeġ lejn naħa waħda tal-ġebla, bħallikieku qed nimmira għal xi ħaġa. 21 U nibgħat lill-qaddej tiegħi jsib il-vleġeġ. Jekk ngħidlu, ‘Ara, il-vleġeġ qegħdin din in-naħa tiegħek, ġibhom,’ int tkun tistaʼ terġaʼ lura, għax naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj li dan ikun ifisser li m’għandekx għalfejn tibżaʼ u li m’hemmx periklu. 22 Imma jekk ngħidlu, ‘Ara, il-vleġeġ qegħdin ’il bogħod minnek,’ dan ifisser li għandek tmur, għax Ġeħova jkun bagħtek. 23 U dwar il-wegħda li għamilna jien u int, jalla Ġeħova jkun bejnietna għal dejjem.”
24 Għalhekk David staħba fl-għalqa. Meta kien qamar ġdid, ir-re qagħad f’postu mal-mejda biex jiekol. 25 Ir-re kien bilqiegħda fil-post tas-soltu ħdejn il-ħajt. Ġonatan kien faċċata tiegħu, u Abner kien bilqiegħda maġenb Sawl, imma post David kien vojt. 26 Sawl ma qal xejn dakinhar, għax qal bejnu u bejn ruħu: ‘Ġara xi ħaġa u b’hekk mhux nadif. Iva, bilfors li mhux nadif.’ 27 U l-għada tal-qamar ġdid, fit-tieni jum, post David kien għadu vojt. Imbagħad Sawl staqsa lil ibnu Ġonatan: “Bin Ġesse għala ma ġiex għall-ikla la lbieraħ u lanqas illum?” 28 Ġonatan wieġbu: “David talabni bil-ħniena biex inħallih imur Betlem. 29 Hu qalli, ‘Jekk jogħġbok, ħallini mmur għaliex se jsir sagrifiċċju tal-familja fil-belt, u ħija stess bagħat għalija. Għalhekk, jekk sibt il-ħniena f’għajnejk, jekk jogħġbok, ħallini mmur nara lil ħuti.’ Huwa għalhekk li ma ġiex jiekol miegħek.” 30 Imbagħad Sawl irrabja ħafna maʼ Ġonatan u qallu: “Ja bin mara ribelluża, taħseb li ma nafx li qed iżżomm maʼ bin Ġesse, b’diżunur għalik u għal ommok?* 31 Sakemm bin Ġesse jkun għadu ħaj, int u saltnatek ma tkunux b’saħħitkom. Għalhekk ibgħat lil xi ħadd iġibhuli, għax ħaqqu l-mewt.”*
32 Madankollu, Ġonatan qal lil missieru Sawl: “Għala għandu jinqatel? X’għamel?” 33 Meta semaʼ dan, Sawl waddablu l-lanza biex joqtlu, u Ġonatan sar jaf li missieru kien determinat li joqtol lil David. 34 Minnufih, Ġonatan qam minn mal-mejda b’rabja kbira, u ma kiel xejn fit-tieni jum wara l-qamar ġdid, għax kien inkwetat għal David u għax missieru kien umiljah.
35 Filgħodu Ġonatan mar fl-għalqa fejn kien ftiehem maʼ David, u miegħu kien hemm qaddej żagħżugħ. 36 Hu qal lill-qaddej tiegħu: “Jekk jogħġbok, iġri u sib il-vleġeġ li se nispara.” Il-qaddej ġera, u Ġonatan spara l-vleġġa ’l bogħod minnu. 37 Meta l-qaddej wasal fil-post fejn kien hemm il-vleġġa, Ġonatan beda jgħajjat u jgħidlu: “Il-vleġġa qiegħda ’l bogħod minnek.” 38 Ġonatan qal b’leħen għoli lill-qaddej: “Għaġġel! Mur malajr! Iddumx!” U l-qaddej ġabar il-vleġeġ u mar ħdejn Ġonatan. 39 Il-qaddej ma kien jaf b’xejn, Ġonatan u David biss kienu jafu xi jfisser dan. 40 Imbagħad Ġonatan ta l-armi tiegħu lill-qaddej u qallu: “Mur, ħudhom il-belt.”
41 Il-qaddej telaq u David ħareġ mill-post fil-qrib fejn kien moħbi, li kien lejn in-Nofsinhar. Imbagħad inxteħet wiċċu fl-art u miel tliet darbiet, u biesu lil xulxin u bkew lil xulxin, imma l-iktar li beka kien David. 42 Ġonatan qal lil David: “Mur fil-paċi, ladarba t-tnejn li aħna ħlifna f’isem Ġeħova u għedna, ‘Jalla Ġeħova jkun bejni u bejnek u bejn il-familja tiegħi u l-familja tiegħek għal dejjem.’”
Imbagħad David telaq, u Ġonatan mar lura l-belt.