L-Ewwel Ktieb taʼ Samwel
22 Għalhekk, David telaq minn hemm u ħarab lejn l-għar t’Għadullam. Meta ħutu u d-dar kollha taʼ missieru semgħu b’dan, niżlu ħdejh. 2 U dawk kollha li kellhom l-inkwiet, id-dejn, u li kienu mdejqin inġabru għandu, u hu sar il-kap tagħhom. Kien hemm madwar 400 raġel miegħu.
3 Iktar tard, David telaq lejn Mispe f’Mowab u qal lir-re taʼ Mowab: “Jekk jogħġbok, ħa joqogħdu magħkom missieri u ommi sakemm inkun naf x’se jagħmel Alla għalija.” 4 Għalhekk ħalliehom mar-re taʼ Mowab, u baqgħu joqogħdu miegħu l-jiem kollha li David kien f’post taʼ protezzjoni.
5 Maż-żmien, il-profeta Gad qal lil David: “Tibqax fil-post taʼ protezzjoni. Itlaq lejn l-art taʼ Ġuda.” Għalhekk, David telaq fil-foresta taʼ Ħeret.
6 Sawl semaʼ li David u l-irġiel li kienu miegħu nstabu. Sawl kien bilqiegħda f’Gibegħa taħt is-siġra tat-tamarisk fil-post fl-għoli, bil-lanza f’idu u bil-qaddejja kollha tiegħu madwaru. 7 Imbagħad Sawl qal lill-qaddejja tiegħu: “Jekk jogħġobkom isimgħuni Benjamini. Jistaʼ bin Ġesse jagħtikom ilkoll għelieqi u dwieli bħalma tajtkom jien? Se jaħtarkom ilkoll kapijiet tal-eluf u kapijiet tal-mijiet? 8 Ilkoll kemm intom ikkonfoffajtu kontrija! Ħadd ma qalli meta ibni stess għamel patt maʼ bin Ġesse. Ħadd minnkom ma jħoss għalija u jgħidli li ibni stess xewwex kontrija lill-qaddej tiegħi biex jistaħba u jattakkani, bħalma qed jagħmel issa.”
9 Imbagħad Duweg l-Edomi, li kien fuq il-qaddejja taʼ Sawl, wieġeb: “Rajt lil bin Ġesse f’Nob għand Aħimelek bin Aħitub. 10 U Aħimelek talab għall-gwida taʼ Ġeħova għalih u tah xi provvisti. Hu saħansitra tah ix-xabla taʼ Gulija l-Filisti.” 11 Minnufih ir-re bagħat għall-qassis Aħimelek bin Aħitub u għall-qassisin kollha taʼ dar missieru, li kienu Nob. U marru lkoll għand ir-re.
12 Sawl issa qal: “Ismaʼ bin Aħitub!” u dan wieġeb: “Hawn jien, sidi.” 13 Sawl qallu: “Għala kkonfoffajtu kontrija, int u bin Ġesse, billi tajtu ħobż u xabla u tlabt għall-gwida t’Alla għalih? Hu ħadha kontrija u issa qed jistaħba biex jattakkani.” 14 U Aħimelek wieġeb lir-re: “Min fost il-qaddejja kollha tiegħek hu taʼ min jafdah* daqs David? Hu r-raġel taʼ bintek, kap fuq il-gwardja persunali tiegħek, u onorat f’darek. 15 Din ma kinitx l-ewwel darba li tlabt għall-gwida t’Alla għalih. Ma jgħaddilix minn moħħi li nikkonfoffa kontrik! Jekk jogħġbok sidi, twaħħalx fija u fid-dar kollha taʼ missieri għax ma kont naf assolutament xejn dwar dan.”
16 Imma r-re qallu: “Int żgur li tmut Aħimelek, int flimkien mad-dar kollha taʼ missierek.” 17 Imbagħad ir-re qal lill-gwardji* li kienu madwaru: “Oqtlu lill-qassisin taʼ Ġeħova, għax qed iżommu maʼ David. Kienu jafu li qed jaħrab u ma qalulix!” Imma l-qaddejja tar-re ma ridux joqtlu lill-qassisin taʼ Ġeħova. 18 Imbagħad ir-re qal lil Duweg: “Oqtolhom int lill-qassisin!” Minnufih Duweg l-Edomi qatel lill-qassisin hu stess. Dakinhar hu qatel 85 raġel lebsin l-efod* tal-għażel. 19 Hu attakka anki lil Nob, il-belt tal-qassisin. Qatel bix-xabla kemm l-irġiel, in-nisa, it-tfal, it-trabi, u kif ukoll il-barrin, il-ħmir, u n-nagħaġ.
20 Imma Abjatar, wieħed mit-tfal t’Aħimelek bin Aħitub, ħarab u telaq għal ħdejn David. 21 Hu qal lil David: “Sawl qatel il-qassisin taʼ Ġeħova.” 22 U David qal lil Abjatar: “Meta rajt lil Duweg l-Edomi kont ċert li se jgħidlu lil Sawl. Hu t-tort tiegħi li mietu n-nies kollha taʼ dar missierek. 23 Oqgħod miegħi. Tibżax, għax kull min jipprova joqtol lilek ikun qed jipprova joqtol lili. Jien se nipproteġik.”