It-Tieni Kronaki
19 Imbagħad ir-Re Ġeħosafat taʼ Ġuda mar lura qawwi u sħiħ* lejn il-palazz tiegħu f’Ġerusalemm. 2 Ġeħu bin Ħanani l-viżjonarju mar jiltaqaʼ miegħu u qallu: “Peress li tgħin lil min hu mill-agħar u tħobb lil dawk li jobogħdu lil Ġeħova, Ġeħova hu rrabjat ħafna miegħek. 3 Minkejja dan, Alla ra affarijiet tajbin fik, għaliex int qridt l-arbli sagri* mill-pajjiż u ppreparajt qalbek* biex tfittex lill-Alla l-veru.”
4 Ġeħosafat baqaʼ jgħix f’Ġerusalemm, u reġaʼ żar lin-nies minn Bir-xeba sar-reġjun muntanjuż t’Efrajm biex jiħodhom lura lejn Ġeħova l-Alla taʼ missirijiethom. 5 Ukoll, hu inkariga mħallfin mal-pajjiż kollu, f’kull belt iffortifikata taʼ Ġuda. 6 Hu qalilhom: “Oqogħdu attenti għal dak li qed tagħmlu, għaliex m’intomx tiġġudikaw għal bniedem imma għal Ġeħova, u hu jkun magħkom meta tiġġudikaw. 7 Issa ibżgħu minn Ġeħova u oqogħdu attenti għal dak li tagħmlu, għax maʼ Ġeħova l-Alla tagħna m’hemmx inġustizzja, preferenzi, u lanqas korruzzjoni.”
8 Anki f’Ġerusalemm, Ġeħosafat inkariga xi wħud mil-Leviti, mill-qassisin, u mill-kapijiet tal-familji t’Iżrael min-naħa tal-missier biex jiġġudikaw f’isem Ġeħova u jissetiljaw kawżi legali għan-nies taʼ Ġerusalemm. 9 Hu kkmandahom: “Fix-xogħol li tagħmlu, għandkom tirrispettaw ħafna lil* Ġeħova, tkunu leali, u jkollkom qalb sħiħa.* 10 Kull meta ħutkom li jgħixu fi bliet oħra jġibu kawża legali li tinvolvi qtil jew mistoqsija dwar il-liġi, il-kmandamenti, ir-regoli, jew id-deċiżjonijiet ġudizzjali, għandkom twissuhom biex ma jsirux ħatja quddiem Ġeħova. Inkella hu jirrabja magħkom u maʼ ħutkom. Hekk għandkom tagħmlu sabiex ma tkunux ħatja. 11 Amarija l-qassis il-kbir hu fuqkom għal kull ħaġa li għandha x’taqsam maʼ Ġeħova. Żebadija bin Ismagħel hu l-mexxej tad-dar taʼ Ġuda għal kull ħaġa li għandha x’taqsam mar-re. U l-Leviti se jaqdu bħala uffiċjali għalikom. Kunu sodi u aġixxu, u jalla Ġeħova jkun maʼ dawk li jagħmlu t-tajjeb.”*