Ġenesi
21 Ġeħova dawwar l-attenzjoni tiegħu lejn Sara bħalma kien qal, u Ġeħova għamlilha bħalma kien wiegħed. 2 Allura, Sara ħarġet tqila u mbagħad welldet iben lil Abraham fi xjuħitu, fiż-żmien li kien qallu Alla. 3 Abraham semmieh Iżakk. 4 Hu għamillu ċ-ċirkonċiżjoni meta kellu tmint ijiem, bħalma kien ikkmandah Alla. 5 Abraham kellu 100 sena meta twilidlu ibnu Iżakk. 6 Imbagħad Sara qalet: “Alla tani raġuni biex nifraħ. Kull min jismaʼ b’dan jifraħ miegħi.”* 7 U żiedet: “Min kellu jgħidlu lil Abraham li jien se jkolli tifel? Iżda jien wellidtlu iben fi xjuħitu.”
8 Issa t-tifel kiber u qataʼ l-ħalib, u Abraham għamel festa kbira dakinhar li Iżakk qataʼ l-ħalib. 9 Imma Sara bdiet tinnota li t-tifel taʼ Ħagar l-Eġizzjana, dak li welldet lil Abraham, kien qed iwaqqaʼ għaċ-ċajt lil Iżakk. 10 Għalhekk qalet lil Abraham: “Keċċi ’l barra lil din l-ilsira u lil binha, għax hu mhux se jkun werriet maʼ ibni Iżakk!” 11 Imma dak li qalet dwar ibnu m’għoġbu xejn lil Abraham. 12 Imbagħad Alla qal lil Abraham: “Tkunx imdejjaq minħabba dak li qed tgħidlek Sara dwar it-tifel u dwar l-ilsira tiegħek. Ismaʼ minnha, għaliex id-dixxendenti tiegħek* se jiġu minn Iżakk. 13 Inkwantu għal bin l-ilsira, jien se noħroġ poplu minnu wkoll, għaliex hu ibnek.”
14 Għalhekk, Abraham qam kmieni u ħa xi ħobż u flixkun tal-ġilda bl-ilma u tahom lil Ħagar. Hu qegħedhom fuq spallitha u bagħatha mat-tifel. Allura, hi telqet lejn id-Deżert taʼ Bir-xeba mingħajr ma kienet taf fejn sejra. 15 Fl-aħħar spiċċa l-ilma li kien hemm fil-flixkun tal-ġilda u hi ħalliet lit-tifel taħt waħda mis-siġar. 16 Imbagħad marret u poġġiet waħedha ftit ’il bogħod, għax qalet: “Ma rridx narah imut lit-tifel.” Hi bdiet tibki b’leħen għoli.
17 Wara ftit, Alla semaʼ t-tifel jibki, u għalhekk l-anġlu t’Alla għajjat lil Ħagar mis-sema u qalilha: “Xi ġralek Ħagar? Tibżax, għax Alla semaʼ leħen it-tifel minn fejn qiegħed. 18 Mur għin lit-tifel iqum u żommu sew b’idek, għax jien se nagħmlu poplu kbir.” 19 Imbagħad Alla wrieha bir bl-ilma, u marret u mliet il-flixkun tal-ġilda u tat lit-tifel x’jixrob. 20 U Alla kien mat-tifel hu u jikber. Hu għex fid-deżert u sar arċier. 21 Hu beda jgħix fid-Deżert tal-Faran, u ommu żewġitu mara mill-art tal-Eġittu.
22 Dak iż-żmien, Abimelek, flimkien maʼ Fikol il-kap tal-armata tiegħu, qal lil Abraham: “Alla hu miegħek f’kulma qed tagħmel. 23 Mela issa aħlifli b’Alla li ma timxix bil-qerq miegħi u mat-tfal tiegħi u mat-tfal tagħhom, u li taġixxi miegħi u mal-art li kont qed tgħix fiha bl-istess imħabba u lealtà* li wrejtek jien.” 24 Għalhekk, Abraham qal: “Naħlef.”
25 Madankollu, Abraham gerger m’Abimelek dwar il-bir tal-ilma li l-qaddejja t’Abimelek kienu ħadu bil-forza. 26 Abimelek wieġeb: “Ma nafx min għamel hekk. Int m’għedtlix b’dan, u jien issa sirt naf.” 27 U Abraham ħa nagħaġ u baqar u tahom lil Abimelek, u t-tnejn għamlu patt bejniethom. 28 Meta Abraham qiegħed sebat iħrief nisa mill-merħla għalihom, 29 Abimelek staqsieh: “Għala qegħedt dawn is-sebat iħrief nisa għalihom?” 30 Dan wieġbu: “Trid taċċetta s-sebat iħrief nisa mingħandi bħala xhieda li jien ħaffirtu dan il-bir.” 31 Huwa għalhekk li dan il-post semmieh Bir-xeba,* għaliex hemmhekk kienu ħalfu t-tnejn li huma. 32 B’hekk, għamlu patt f’Bir-xeba, u mbagħad Abimelek qam flimkien maʼ Fikol, il-kap tal-armata tiegħu, u marru lura lejn l-art tal-Filistin. 33 Wara dan, Abraham ħawwel siġra tat-tamarisk f’Bir-xeba, u hemmhekk għajjat isem Ġeħova, l-Alla li hu għal dejjem. 34 U Abraham baqaʼ* fl-art tal-Filistin għal ħafna żmien.*