Atti—Dak li Għamlu l-Appostli
11 L-appostli u l-aħwa li kienu fil-Lhudija semgħu li anki n-nies mhux Lhud aċċettaw il-kelma t’Alla. 2 Meta Pietru telaʼ Ġerusalemm, dawk li riedu li n-nies minn popli oħra jiġu ċirkonċiżi bdew jikkritikawh* 3 billi qalulu: “Int dħalt fid-dar taʼ rġiel mhux ċirkonċiżi u kilt magħhom.” 4 Għalhekk, Pietru beda jispjegalhom x’ġara fid-dettall u qalilhom:
5 “Jien kont fil-belt taʼ Ġaffa nitlob, u f’viżjoni rajt xi ħaġa* nieżla bħal liżar kbir tal-għażel li kien qed jitniżżel mis-sema mill-erbat itruf tiegħu, u ġie ħdejja. 6 Meta ħarist sew lejh rajt annimali b’erbaʼ saqajn, annimali slavaġ, rettili,* u għasafar. 7 Imbagħad smajt leħen jgħidli: ‘Qum Pietru, oqtol u kul!’ 8 Imma jien għedt: ‘Żgur li le Mulej, għax jien qatt ma kilt xi ħaġa li skont il-Liġi hi mniġġsa jew mhux nadifa.’ 9 It-tieni darba, il-leħen mis-sema qalli: ‘Dak li naddaf Alla tibqax tgħidlu mniġġes.’ 10 Il-leħen instemaʼ għat-tielet darba, u kulma rajt reġaʼ ttellaʼ fis-sema. 11 Ukoll, dak il-ħin stess, kien hemm tlett irġiel ħdejn id-dar fejn kont qed noqgħod li ntbagħtu għandi minn Ċesarija. 12 Imbagħad l-ispirtu qaddis qalli biex immur magħhom u ma niddubita xejn. Anki dawn is-sitt aħwa ġew miegħi, u dħalna fid-dar tar-raġel.
13 “Hu rrakkontalna kif ra anġlu fid-dar tiegħu u qallu: ‘Ibgħat irġiel Ġaffa biex iġibu raġel jismu Xmun, li jgħidulu wkoll Pietru, 14 u hu jgħidlek kif int u l-familja tiegħek tistgħu tiġu salvati.’ 15 Imma xħin bdejt nitkellem, huma rċivew l-ispirtu qaddis bħalma rċivejnieh aħna l-ewwel darba. 16 Għal dan, ftakart f’dak li kien jgħid il-Mulej: ‘Ġwanni għammed bl-ilma, imma intom se titgħammdu bl-ispirtu qaddis.’ 17 Għalhekk, jekk Alla tahom l-istess rigal b’xejn li ta lilna li emminna fil-Mulej Ġesù Kristu, jien min jien biex infixkel lil Alla milli jagħmel dak li jrid?”
18 Meta semgħu dawn l-affarijiet huma ma baqgħux joġġezzjonaw* u bdew jigglorifikaw lil Alla billi qalu: “Mela Alla jrid li anki n-nies li mhumiex Lhud jindmu ħalli jkunu jistgħu jirċievu l-ħajja taʼ dejjem.”
19 Id-dixxipli li kienu nxterdu minħabba l-persekuzzjoni wara l-mewt taʼ Stiefnu marru saħansitra l-Feniċja, Ċipru, u Antjokja, imma huma xandru l-aħbar tajba lil-Lhud biss. 20 Madankollu f’Antjokja, xi wħud minnhom li kienu minn Ċipru u Ċirene bdew jippritkaw l-aħbar tajba dwar il-Mulej Ġesù lin-nies li kienu jitkellmu bil-Grieg. 21 Iktar minn hekk, Ġeħova* kien qed jappoġġahom, u ammont kbir taʼ nies bdew jemmnu u saru dixxipli tal-Mulej.
22 Meta semgħu dwar dan, l-aħwa fil-kongregazzjoni taʼ Ġerusalemm qalu lil Barnaba biex imur Antjokja. 23 Meta wasal u ra kemm Alla kien qalbu tajba magħhom, hu feraħ u beda jinkuraġġihom ilkoll biex ikomplu jobdu lill-Mulej b’qalbhom kollha. 24 Barnaba kien raġel sew li kellu l-ispirtu qaddis u fidi kbira. U folla kbira bdiet temmen fil-Mulej. 25 Imbagħad, hu mar Tarsu biex ifittex lil Sawl. 26 Wara li sabu, ħadu Antjokja. Għal sena sħiħa huma ltaqgħu mal-kongregazzjoni t’hemm u għallmu lil ħafna. Kien f’Antjokja li permezz tal-gwida t’Alla d-dixxipli bdew jissejħu għall-ewwel darba Kristjani.
27 F’dak iż-żmien, xi profeti minn Ġerusalemm marru Antjokja. 28 Wieħed minnhom, li kien jismu Agabu, qal permezz tal-ispirtu qaddis li kien se jkun hemm ġuħ kbir mal-art kollha. Fil-fatt, dan seħħ fi żmien Klawdju. 29 Għalhekk, id-dixxipli ddeċidew li jibagħtu l-għajnuna lill-aħwa li jgħixu fil-Lhudija. Kull wieħed ta skont kemm setaʼ, 30 u l-għajnuna bagħtuha lill-anzjani permezz taʼ Barnaba u Sawl.