Ittra lil Titu
3 Ibqaʼ fakkarhom biex ikunu sottomessi u jobdu l-gvernijiet u l-awtoritajiet, biex ikunu lesti jagħmlu kull ħaġa tajba, 2 biex ma jitkellmu ħażin fuq ħadd, u ma jiġġildux, imma jkunu raġunevoli u dejjem juru ħlewwa maʼ kulħadd. 3 Għax xi darba anki aħna konna boloh, ma nobdux lil Alla, niġu mqarrqin, ilsiera taʼ ħafna xewqat u pjaċiri, nies ħżiena, ngħiru, taʼ min jitqażżiżna, u nobogħdu lil xulxin.
4 Imma Alla, Dak li Jsalvana, wera qalb tajba u mħabba man-nies. 5 Hu salvana għax kien ħanin, u mhux għax għamilna xi ħaġa ġusta. Hu salvana meta tana l-ħajja billi naddafna u meta għamilna poplu ġdid permezz tal-ispirtu qaddis. 6 Hu tana* dan l-ispirtu b’abbundanza* permezz taʼ Ġesù Kristu, Dak li Jsalvana, 7 ħalli permezz tal-qalb tajba kbira tiegħu, inkunu nistgħu niġu ddikjarati ġusti u b’hekk nirtu l-ħajja taʼ dejjem li nittamaw għaliha.
8 Dan il-kliem hu taʼ min jafdah u jien irridek tkompli tenfasizza dawn l-affarijiet, ħalli dawk li emmnu f’Alla jżommu moħħhom iffokat fuq li jagħmlu xogħol mill-aħjar. Dan hu tajjeb u taʼ benefiċċju għan-nies.
9 Imma evita argumenti bla sens, riċerki dwar l-antenati, kwistjonijiet, u ġlied dwar il-Liġi, għax dawn ma jagħmlux ġid u ma jiswew għal xejn. 10 Warrab lil min iġib firda b’tagħlim falz* wara li tkun wissejtu* għal darba darbtejn, 11 għax taf li bniedem bħal dan tbiegħed mit-triq it-tajba, qed jidneb, u kkundanna lilu nnifsu b’dak li għamel.
12 Meta nibgħatlek lil Artema jew lil Tikiku, agħmel l-aħjar li tistaʼ biex tiġi ħdejja f’Nikopoli, għax iddeċidejt li nqattaʼ x-xitwa hemm. 13 Agħti lil Żenas, li jaf sew il-Liġi, u lil Apollo dak li għandhom bżonn għall-vjaġġ tagħhom, ħalli ma jkun jonqoshom xejn. 14 Imma l-aħwa wkoll għandhom jitgħallmu jkomplu jagħmlu affarijiet tajbin, ħalli jkunu jistgħu jgħinu meta jkun hemm bżonn urġenti, u b’hekk ikollhom riżultati tajbin.
15 L-aħwa kollha li qegħdin miegħi jsellu għalik. Sellili għal dawk li jħobbuna u li huma ħutna fil-fidi.
Jalla Alla jurikom qalb tajba kbira.